Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Stqarrija Għall-Istampa: Ir-Reazzjoni ta’ Pro Malta Christiana għar-Riforma fil-Qasam tar-Raba’

Nov 23, 2022 | Local | 0 comments

This document is available in English.

Stqarrija Għall-Istampa u l-Midja

12 ta’ Novembru 2022

Il-White Paper tal-Gvern Malti dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’ Tipproponi Restrizzjonijiet Soċjalisti Inġusti u Antikwati li se jkunu Kontroproduttivi

Il-White Paper tal-Gvern Malti maħruġa mill-Ministeru tal-Agrikoltura. Is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali f’Ottubru 2022 suppost hija maħsuba biex:

“… tirregola s-suq tal-art agrikola fl-interess pubbliku b’mod leġittimu u proporzjonat sabiex tagħmilha ġusta għall-partijiet kollha, tnaqqas l-ispekulazzjoni, tipproteġi żoni rurali u fuq kollox tappoġġja l-biedja fil-fokus tal-importanza tagħha fil-provvista tal-ikel. Qed jiġu proposti diversi miżuri ta’ kontroll fil-qasam tal-akkwist u s-sjieda ta’ art agrikola. Uħud minn dawn il-miżuri jġibu tibdil fil-mekkaniżmi eżistenti, filwaqt li oħrajn, bħal dawk diretti lejn il-kontroll tal-prezz tal-kirja ta’ art agrikola, qed jiġu introdotti għall-ewwel darba.”

Fir-realtà, din il-White Paper tagħtina sitwazzjoni fejn il-gvern qed jipproponi limitu tal-kera fuq il-ħlasijiet dovuti mill-bdiewa kerrejja (tal-qbiela) lis-sidien tal-artijiet privati, taxxa proposta fuq l-hekk imsejħa art mhux użata, metodu ta’ valutazzjoni tal-art agrikola impost mill-gvern li għandu jiddaħħal b’mod ġdid minn Awtorità ġdida tal-Gvern, u tisħiħ tal-iżbilanċ legali attwali għad-detriment tas-sidien tal-art.

Dak li b’mod konvenjenti jinsew sija il-Gvern u sija l-Oppożizzjoni rappreżentati fil-Parlament ta’ Malta huwa dan li ġej:

  • L-Istat, permezz ta’ azzjoni ġenerali arbitrarja fid-determinazzjoni tal-valur tal-art, fuq il-limitu massimu tal-kirjiet tal-art, fit-tassazzjoni tal-hekk imsejħa art mhux produttiva u permezz ta’ piżijiet oħra fuq is-sidien tal-art privati huwa stabbilit bħala l-arbitru assolut tad-drittijiet privati.
  • L-azzjoni xierqa tal-Istat ma tikkonsistix fit-twaqqif ta’ reġim mandatorju fuq il-proprjetà agrikola. Anzi, l-Istat għandu l-ewwel nett jipprova jikkollabora bil-mezzi meħtieġa biex l-agrikoltura tkun tista’ tgħolli l-produttività tagħha u tipprovdi benessri akbar lill-komunità.
  • L-abbuż tal-“interess pubbliku” kemm il-darba ġie invokat minn gvernijiet Nazzjonalisti u Laburisti suċċessivi biex jiċħdu lis-sidien tal-proprjetà privata mid-drittijiet leġittimi tagħhom.

Il-White Paper, meta titratta l-metodu ta’ valutazzjoni propost li għandu jiġi determinat mill-Awtorità l-ġdida tal-Gvern, ma tiċċarax liema formula jew formuli ta’ valutazzjoni se jintużaw, iżda jidher li l-bejgħ attwali ta’ prodotti agrikoli minn art  privata se jkun l-uniku fattur determinanti biex jiġi stabbilit il-valur tal-art, u bħala konsegwenza, il-ħlas tal-kirijiet lis-sidien privati. Huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk l-Awtorità l-ġdida hix se tapplika l-istess metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-art lill-art tal-gvern.

F’Malta, 50% tal-art li għandha potenzjal agrikolu hija proprjetà tal-Gvern, 28% hija proprjetà privata filwaqt li 23% oħra hija proprjetà tal-Gvern u mikrija lill-bdiewa tal-qbiela. Dan kollu fuq sfond fejn f’Malta, madwar 76% tal-irziezet huma meqjusa bħala azjendi żgħar ħafna skont standards Ewropej, fejn id-daqs tar-raba’ hu ta’ ettaru wieħed jew inqas.

Din l-istatistika turi li jekk il-Gvern serjament jixtieq jistimula l-produttività agrikola u jissalvagwardja l-għajxien tal-bdiewa li jikru l-art, għandu jieħu l-inizjattiva biex joħloq klassi ġdida ta’ bdiewa li jkunu sidien tal-art. B’hekk gradwalment iqassam artijiet tal-istat permezz ta’ pjan nazzjonali maħsub biex ikopri għajnuna prattika biex jassisti lill-bdiewa tal-qbiela kerrejja eżistenti u bdiewa ġodda verifikati bona fide lesti li jixtru l-art. Din għandha tkun id-direzzjoni xierqa, aktar milli jimponi aktar restrizzjonijiet fuq sidien privati li fil-preżent jikru l-art tagħhom lill-bdiewa kerrejja.

Din id-distribuzzjoni tal-art lill-bdiewa bona fide għandha tinkludi:

  • Bejgħ ta’ art tal-istat lill-bdiewa bi prezzijiet sostanzjalment imraħħsa.
  • Tipprovdi assistenza finanzjarja lill-bdiewa kerrejja lesti li jixtru art tal-istat.
  • It-twessigħ tal-firxa ta’ għajnuna ta’ inċentivi finanzjarji disponibbli bħalissa għall-bdiewa kerrejja biex iħeġġiġhom jixtru art tal-gvern u privata jekk sidien privati huma disposti li jbiegħu art lil kerrejja attwali jew partijiet oħra bona fide li huma lesti li joffru garanziji li tali art tkun utilizzata għal skopijiet agrikoli biss.

L-ispinta sħiħa tal-White Paper – li hija mmarkata b’nuqqas ta’ ċarezza lampanti – tidher ta’ natura diskriminatorja, u milli jidher tistabbilixxi sett wieħed ta’ regoli għall-art agrikola privata u ieħor għall-art tal-gvern. Dan jixhdu l-proposti tal-White Paper biex tiġi imposta taxxa fuq “art mhux maħduma jew użata”. Dan huwa ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-proprjetà tas-sidien privati.

Jekk il-Gvern ġenwinament jixtieq jindirizza l-iżbilanċ li qegħdin jbatu bħalissa s-sidien privati, l-impożizzjoni ta’ valur massimu fuq il-valuri tal-kiri tal-irziezet hija inġusta u antikwata. Li l-funzjonarji tal-gvern jistabbilixxu l-valuri tal-art u l-ħlasijiet tal-kera jfisser qabża eċċessiva mhux ġustifikata mill-istat. Jekk sitwazzjoni bħal din tkun inevitabbli, l-Awtorità l-ġdida li tkun fdata li tistabbilixxi l-valuri tal-kera għandha, tal-inqas, tipprovdi għotjiet diretti u ħlasijiet ta’ trasferiment lil sidien privati mhux sodisfatti bil-valur tal-kera stabbilit mill-Awtorità tal-Gvern sabiex tkopri n-nuqqas fl-ammont tal-kera li jkun rikjest u meħtieġ minn sidien privati tal-art.

B’dan il-mod, is-sidien tal-art privati ftit jew xejn se jkollhom inċentiv biex jibdew proċeduri legali biex isir żgumbrament tal-bdiewa tal-qbiela, u b’hekk tingħata aktar assigurazzjoni li l-produzzjoni tal-ikel mhux se tkun ipperikolata.

F’dan ir-rigward huwa redikolu u inġust li l-gvern jistabbilixxi perjodu massimu ta’ kiri ta’ 16-il sena għas-sidien privati. Dawn is-sidien tal-art qed isofru wkoll il-konsegwenzi tal-inflazzjoni sfrenata preżenti u l-inċertezza ekonomika li qed taħkem lil pajjiżna. Kiri ta’ razzett m’għandux jestendi lil hinn minn perjodu ta’ 10 snin. F’dan ir-rigward, l-impożizzjoni ta’ perjodi ta’ kiri massimu u minimu mill-Gvern tista’ titqies bħala titjib biss fejn ikunu għadhom prattikati arranġamenti preżenti ta’ kiri fit-tul jew “enfitewsi”.

Il-ħolqien ta’ awtorità burokratika ġdida tal-gvern u l-poteri eċċessivi konkomitanti tagħha huwa sors ta’ tħassib partikolari matul perjodu meta d-dejn nazzjonali sploda f’dawn l-aħħar snin. Aktar infiq pubbliku biex jinħoloq mostru burokratiku ġdid se jindirizza bis-serjetà l-problemi u l-kwistjonijiet li jolqtu l-produzzjoni agrikola ta’ Malta? Għaliex il-Gvern ma jistax jutilizza aħjar ir-riżorsi eżistenti tal-Ministeru tal-Agrikoltura u jippermetti esperti privati u mhux governattivi biex jaġġudikaw każijiet ta’ kirjiet ikkontestati tal-irziezet?

Barra minn hekk, filwaqt li ma nistħux ninnutaw b’dispjacir ix-xejra riċenti ta’ żgumbrament ta’ bdiewa kerrejja li ilhom, għal għexieren ta’ snin, iħallsu kirjiet baxxi ħafna lil sidien privati, wieħed irid iżomm f’moħħu li s-sidien privati ilhom ibatu minn sistema ta’ kiri inġusta stabbilita sekli ilu għal żmien twil biżżejjed.

Pro Malta Christiana wettqet id-dmir patrijottiku u Nisrani tagħha li tipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika li beda l-Gvern u fformulat sett ta’ proposti lill-Gvern qabel l-iskadenza għall-għeluq tal-konsultazzjoni. Xi wħud minn dawn il-miżuri jinkludu l-għoti ta’ salvagwardji legali li porzjon sostanzjali ta’ art eżistenti tal-Gvern ma tiġix żviluppata għal skopijiet infrastrutturali jew ta’ kostruzzjoni, iżda, pjuttost, tkun iddedikata għall-iżvilupp tal-kultivazzjoni tar-raba’; l-għoti ta’ għajnuna fiskali u finanzjarja lill-bdiewa kerrejja li lesti jorganizzaw bejgħ mill-bieb tar-razzett tal-prodotti tagħhom lill-pubbliku ġenerali; l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lill-bdiewa li jixtiequ jirrestawraw bini fl-irziezet li tinsab f’kundizzjoni mwiegħra, fost miżuri oħra.

Il-proposti ta’ Pro Malta Christiana huma maħsuba biex jissalvagwardjaw l-għajxien kemm tas-sidien tal-proprjetà kif ukoll tal-bdiewa li jikru l-art, u biex joħolqu klassi ġdida ta’ sidien ta’ bdiewa bona fide, mingħajr ma jitkompla t-tkissir tad-drittijiet morali u kostituzzjonali tal-proprjetà privata tas-sidien tal-art.

Karmenu Borg
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi
Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana

Agħfas hawnhekk biex taqra l-analiżi sħiħa.

0 Comments

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Recent Comments

    Categories