Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Mhux Demokristjan, Imma Kristjan u Demokratiku

Jan 18, 2023 | Uncategorized | 0 comments

Kitba ta’ Jake Muscat Dip. (Melit), B.A. (Melit)

 Ecce Homo ta’ Mihály Munkácsy

Fit-3 ta’ Frar, 2015, il-President attwali Taljan, Sergio Mattarella kien beda din il-kariga bħala il-Capo di Stato. Meta ġara dan,  ċertu Mario Adinolfi, ġurnalist Taljan li għamel ftit inqas minn sena bħala membru tal-Kamra tad-Deputati bejn l-2012 u l-2013, kien kiteb artiklu fil-ġurnal “La Croce” fejn spjega kif  “Mattarella huwa Kattoliku” u kif kien “figura importanti tal-Partito Popolare fundat minn Don Sturzo.”

L-iżball li għamel il-kittieb ta’ dan l-artiklu kien li nesa li s-VII leġiżlatura tar-Repubblika Taljana, fit-22 ta’ Mejju 1978 kienet għaddiet Liġi no. 194 li tissanzjona l-abort, iffirmata minn żewġ Demokristjani prominenti: il-Prim Ministru Giulio Andreotti u l-President tar-Repubblika Giovanni Leone. It-tnejn kienu persuni importanti ta’ dak li kien il-Partito Popolare u wara id-Democrazia Cristiana (DC), partit li applika programm kif deskritt minn Antonio Gramsci:

“Il-Kattoliċiżmu Demokratiku jagħmel dak li l-komuniżmu ma setax: jgħaqqad, jordna, jgħix u jagħmel suwiċidju [..] Dawk popolari huma għas-soċjalisti bħal Kerensky għal Lenin”

L-agħar fazzjoni tal-partit Democrazia Cristiana kienet dik ta’ dawk li bit-Taljan jissejħu “Cattocomunisti”. Dawn huma ħatja mhux biss tal-fatt li ġabu x-xellug fil-poter, iżda wkoll tal-kontribuzzjoni tagħhom fl-iskristjanizzazzjoni tal-Italja. L-abort għadda taħt gvern Demokristjan u d-divorzju taħt gvern taċ-ċentru xellug immexxi minn Demokristjan ieħor bl-isem ta’ Emilio Colombo.

Fl-Italja, d-Democrazia Cristiana mietet fid-90ijiet iżda l-approċċ tiegħu għall-politika għadha teżisti. Ta’ spiss issib politikanti li jgħidu li huma Kattoliċi prattikanti iżda jkunu favur liġijiet pjuttost anti-Kattoliċi. Apparti fl-Italja u x-xena lokali, wieħed jista’ jsemmi wkoll il-President attwali Amerikan, Joe Biden, li jgħid li hu Kattoliku iżda huwa favur l-abort.

Il-punt prinċipali li qed nipprova noħrog minn dan huwa l-fatt li l-Kristjanità, jew aħjar, il-Kattoliċeżimu qatt ma jista’ jkun demokratiku. Il-Papa qaddis San Piju X fil-fatt jikkundanna l-konnessjoni falza bejn il-Kattoliċeżimu u d-Demokrazija fl-ittra tiegħu “Notre Charge Apostolique”. Piju X kien ra li d-Demokrazija Kristjana kella element ta’ kożmopolitaniżmu newtrali fuq livell politiku u kulturali. Kien ra li d-devjazzjonijiet tal-moviment Demokristjan kellu l-għeruq tiegħu fl-influwenza difettuża tal-prinċipji tal-Illuminiżmu u r-Rivoluzzjoni Franċiża; prinċipji eretiċi. Dawn il-prinċipji, allura, ma jappartjenux għall-ispirtu Kattoliku. Id-Demokrazija Kristjana tispira ruħha mill-Vanġelu iżda tinterpretah bil-mod tagħha.

Barra minn hekk, il-predeċessur ta’ Piju X, allura Ljun XIII, kien ikkundanna “ċerta Demokrazija li tasal f’tip ta’ ħażen li tpoġġi s-sovranità fil-poplu u timmira lejn it-trażżin tal-klassijiet u l-livellar tagħhom”. Li għamlu d-Demokristjani kien li adottaw tagħlim differenti minn dak ta’ Ljun XIII, u adottaw modus operandi li jopponih. Dawn irrifjutaw id-duttrina ta’ Ljun XIII billi poġġew l-awtorità fin-nies. Għalkemm l-iskop tad-Demokristjani kien li jtaffu l-biża’ tal-Komuniżmu u li jippreżervaw il-libertà umana, dawn finalment spiċċaw injoraw il-liġijiet li jiggvernaw in-natura umana. Evidentament, dawn spiċċaw biddlu s-sisien naturali u tradizzjonali tas-soċjetà umana bħal ma ġara f’pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja.

Bejn wieħed u ieħor, id-Demokrazija Kristjana tirrikonoxxi lil Alla. Però hawn issa naraw il-kuntradizzjoni bejn id-Demokrazija u l-Kristjanità, jew aħjar, il-Kattoliċeżimu. Waqt li l-Kattoliċi jpoġġu l-awtorità kollha f’Alla, id-demokratiċi jpoġġu din l-istess awtorità f’idejn il-poplu li tesprimi lilha nnifisha permezz ta’ elezzjonijiet. Ljun XIII jgħid li Alla huwa l-prinċipju naturali u neċessarju li minnu joħroġ id-dritt tal-governanza. Filwaqt li d-Demokrazija taħdem minn isfel għal fuq, il-Kattoliċeżimu jaħdem minn fuq għal isfel, għaliex il-liġi divina ma tistax tiġi demokratizzata. Filwaqt li d-Demokrazija trid il-fraternità ’l fuq minn kwalunkwe filosofija u reliġjon, id-duttrina Kattolika, mill-aspett ta’ karità, mhix ibbażata fuq it-tolleranza ta’ ideat foloz iżda fil-ħeġġa li dawn jitjiebu moralment u intellettwalment.

Allura, filwaqt li l-Kristjanità, jew aħjar, il-Kattoliċeżimu ma jistax ikun demokratiku, id-Demokrazija però tista’ u għandha tkun Kattolika. Jekk nisseparaw il-fraternità minn mal-karità Kristjana, id-Demokrazija tispiċċa ssir biss pass kbir lura fiċ-Ċiviltà. Jekk aħna nixtiequ l-ogħla forom ta’ benesseri għas-soċjetà u solidarjetà universali, dan jista’ jseħħ biss jekk l-imħuħ tagħna jkunu uniti fl-għerf tal-Verità, kull rieda magħquda fil-moralità, u kull qalb fl-imħabba ta’ Alla u s-sinjur tagħna Ġesù Kristu.

“Il-miġja tad-Demokrazija universali ma hija ta’ ebda tħassib għall-azzjoni tal-Knisja fid-dinja; infakkru li l-Knisja dejjem ħalliet f’idejn il-ġnus il-ħsieb li jagħtu lilhom infushom il-forma ta’ gvern li jaħsbu li hija l-aktar adattata għall-bżonnijiet tagħhom”

Pope Pius X

Papa San Piju X

Hawn, Piju X fl-ittra “Notre Charge Apostolique” ma jinnegax il-kunċett ta’ Demokrazija bħala tip ta’ gvern leġittimu, anzi pjuttost l-oppost. Però nkunu qed nagħmlu ħażin jekk nassoċċjaw ir-reliġjon Kattoliku ma’ tip ta’ Demokrazija li hi mibnija fuq duttrini foloz. Iżda dan hu li tagħmel id-Demokrazija Kristjana: tikkomprometti l-Knisja Kattolika u tiżra’ d-diviżjoni bejn il-Kattoliċi. Għall-oppost ta’ dan, min hu Kattoliku għandu d-dmir li jara li d-Demokrazija tikkonforma mal-Kattoliċeżimu u mhux bil-kontra, għax ma jistax ikun hemm Ċiviltà vera jekk ma jkunx hemm Ċiviltà morali.

0 Comments

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Recent Comments

    Categories