Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Il-Ħsieb Kontro-Rivoluzzjonarju

Dec 13, 2022 | Uncategorized | 0 comments

Kitba ta’ Jake Muscat Dip. (Melit), B.A. (Melit)

Huwa proprju fit-13 ta’ dan ix-xahar ta’ Diċembru li, Alla jtih il-glorja tal-ġenna, il-ħassieb Kattoliku Brażiljan Plinio Corrêa de Oliveira jagħlaq 114 sena minn twelidu. Plinio twieled São Paolo, Brażil fl-1908 u huwa magħruf l-aktar għall-ktieb tiegħu ‘Rivoluzzjoni u Kontro-Rivoluzzjoni’, li fih jiddeskrivi l-oriġini tal-kwistjonijiet morali u soċjo-politiċi li qed taffaċċja s-soċjetà kontemporanja u kif wieħed jista’ jikkumbatti dawn.

Ir-Rivoluzzjoni

Plinio jidentifika tliet Rivoluzzjonijiet maġġuri fl-istorja. L-ewwel hija dik tar-Rinaxximent u l-Protestantiżmu. It-tieni hija dik Franċiża. It-tielet hija dik Komunista, li mindu l-waqgħa tal-komuniżmu fl-Ewropa Orjentali din ħadet forma pjuttost differenti. Però Plinio jsemmi wkoll ir-raba’ Rivoluzzjoni, dik li trid tikrea tribaliżmu kollettivist fejn kull traċċ ta’ individwalità tisfaxxa fix-xejn.

Għall-kuntrarju ta’ ċerti ħassieba fuq il-lemin politiku, Plinio jifhem li r-Rivoluzzjoni hi waħda totali, dominanti u proċessiva. Xi jrid ifisser b’dan? Ir-Rivoluzzjoni hija waħda fis-sens li it-tliet Rivoluzzjonijiet prinċipali li jsemmi Plinio huma, biex ngħidu hekk, konnessi b’mod integrali biż-żmien u allura jappartjenu għall-istess fonti e fini. Hija totali fis-sens li tiġbor fiha l-ispazju kollu, u li tippenetra kull aspett tal-vivenza umana. M’hemm l-ebda mod kif taħrab mir-Rivoluzzjoni ħlief minn mezzi straordinarji ta’ difiża. Skont Plinio Corrêa de Oliveira, ir-Rivoluzzjoni hija magħmula minn tliet stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonsisti fi kriżi fit-tendenzi li hu jiddeskrivi bħala:

“[T]endenzi diżordinati [li] min-natura tagħhom stess jissieltu għar-realizzazzjoni. Ma jibqgħux konformi ma’ ordni sħiħ ta’ affarijiet kuntrarji għalihom, jibdew billi jimmodifikaw mentalitajiet, modi di essere, espressjonijiet artistiċi, u drawwiet mingħajr ma jmissu immedjatament u direttament – ​​għall-inqas abitwalment – ​​ideat.”

It-tieni stadju huwa r-rivoluzzjoni tal-ideat, li jfisser li, mit-tendenzi profondi msemmija hawn fuq, jinqalgħu dommi ġodda. Dwar ir-rivoluzzjoni tal-ideat, jistqarr Plinio:

“[X]i drabi jfittxu modus vivendi mad-duttrini l-qodma, jesprimu lilhom infushom b’tali mod li jżommu dehra ta’ armonija magħhom. Ġeneralment, madankollu, din malajr issir gwerra aperta.”

Fl-aħħar, Plinio jsemmi r-rivoluzzjoni tal-fatti, fejn it-twemmin u l-ideat rivoluzzjonarji jsiru prattika fiżika permezz ta’ mezzi kemm vjolenti kif ukoll mhux vjolenti. Hija ppreżentata minn Plinio bħala meta “l-istituzzjonijiet, il-liġijiet, u d-drawwiet jinbidlu kemm fil-qasam reliġjuż kif ukoll fis-soċjetà temporali.”

Ir-Rivoluzzjoni ssib l-għeruq tagħha fin-nuqqas ta’ dixxiplina morali, u partikolarment in-nuqqas ta’ ħila li trażżan il-passjonijiet tas-suppervja u s-senswalità. Anke l-iċken tendenza lejn indixxiplina morali kapaċi ssir parti kawżattiva ta’ proċess rivoluzzjonarju storiku mondjali. Biex jikkumbatti kontra dan kollu, Plinio ħareġ bid-definizzjoni tiegħu tal-Kontro-Rivoluzzjoni.

Il-Kontro-Rivoluzzjoni

Il-Kontro – Rivoluzzjoni ta’ Plinio hi sempliċiment reazzjoni elitista għar-Rivoluzzjoni nnifisha. Hi totalizzanti fl-iskop u t-talbiet tagħha daqs ir-Rivoluzzjoni stess, u allura tħalli ftit spazju għall-kompromessi. Huwa jikteb, “jekk ir-Rivoluzzjoni qed toqtolna, xejn mhu aktar indispensabbli minn reazzjoni li għandha l-għan li tfarrakha.”

“Jekk ir-Rivoluzzjoni hija diżordni, il-Kontro-Rivoluzzjoni hija r-restawr tal-ordni. U b’ordni nifhmu l-paċi ta’ Kristu fir-Renju ta’ Kristu, jiġifieri ċ-ċiviltà Nisranija.”

Waħda min-neċessitajiet tal-Kontro-Rivoluzzjonarju hi li l-ħin kollu jikkritika s-soċjetà rivoluzzjonarja, mhux biss il-kurrenti kbar ta’ kambjamenti soċjali iżda kull aspett ta’ kultura u ħajja ta’ kuljum. Għalkemm il-Kontro-Rivoluzzjoni hi moviment tradizzjonalista, din però m’għandha xejn x’taqsam ma’ tradizzjonaliżmu falz u dejjaq li għandu f’moħħu biss l-iskop li jikkonserva ċerti riti, stili jew kostumi minħabba biss ammirazzjoni lejn forom antiki u bla ebda aprezzament lejn id-duttrini li taw qawmien għalihom. Jekk jingħad li l-Kontro-Rivoluzzjoni ma tistax tiffjorixxi llum il-ġurnata minħabba l-ispirtu taż-żminijiet, mela b’dak il-prinċipju l-anqas il-Knisja Kattolika m’għandha teżisti jekk inqisu li l-Evanġelju kien kuntrarju tal-valuri ta’ żmien Kristu.

Irridu nifhmu li dak li r-Rivoluzzjoni ssejjaħ modern m’hu xejn ħlief dak kollu li jagħti riedni ħielsa lis-suppervja u l-egalitarjaniżmu kif ukoll it-tfittxija tal-pjaċiri u liberaliżmu. Apparti minn hekk, tajjeb li nżid il-fatt li kull Kattoliku għandu jkun Kontro-Rivoluzzjonarju minħabba l-fatt li r-Rivoluzzjoni hi Kontro-Kattolika fiha nnifisha. Jekk nimxu mal-iskrittura, nindunaw li s-serp fil-Ġnien tal-Eden kien l-ewwel rivoluzzjonarju minħabba li dan ried iċaħħad lill-bniedem minn Alla u li hu nnifsu rrivella kontriH. U x’inhi r-Rivoluzzjoni jekk mhux ir-rivolta kontra s-Saltna t’Alla? Jekk nifhmu dan il-kunċett faċli nifhmu x’inhu l-Kontro-Rivoluzzjonarju, jiġifieri dak li jaħdem favur ir-Renju t’Alla kemm mill-aspett soċjali kif ukoll dak spiritwali.

Konklużjoni

Li kieku fil-battalja bejn Knisja u Rivoluzzjoni wieħed mill-konkorrenti ma kienx immortali, din kienet tkun ċertament battalja mortali. Għalhekk nemmen li hu xieraq li ntemm din il-kitba bil-frażi li hemm miktub f’Mattew 16:18: “portae inferi non praevalebunt adversum eam.”

0 Comments

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Recent Comments

    Categories