28 ta’ Novembru 2022
Pro Malta Christiana Tiddiżassoċja Ruħha mill-Emenda Legali li Tħalli l-Bieb Miftuħ għall-Abort f’Malta Proposta minn Hekk Imsejħa “Esperti”
Is-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana, assoċjazzjoni ċivika u kulturali ta’ ispirazzjoni Kattolika ddistakkat mill-emenda legali proposta minn grupp ta’ hekk imsejħa esperti, fid-dawl tal-fatt li din l-emenda ma tipprovdix is-salvagwardji meħtieġa għat-tarbija fil-ġuf waqt tqala diffiċli.
L-emenda għall-Kodiċi Kriminali li dawn “l-esperti” qed jipproponu lill-Gvern tgħid dan li ġej:
“Ebda rejat ma jsir taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l-mewt jew ħsara lill-ġisem ta’ tarbija fil-ġuf tirriżulta minn intervent mediku mwettaq bil-għan li ssalva l-ħajja tal-omm fejn hemm riskju reali u sostanzjali ta’ telf tal-ħajja tal-omm minn mard fiżiku.”
Analiżi kritika tal-Position Paper propost minnhom u tal-kliem ta’ din l-emenda tqajjem mistoqsijiet serji, bħal:
- Il-frażi użata li: “intervent mediku mwettaq bil-għan li ssalva l-ħajja tal-omm” tista’ tiġi interpretata legalment li tfisser l-istess ħaġa bħala “terminazzjoni ta’ tqala” li huma l-kliem użati mill-emenda proposta mill-Gvern, fi kliem ieħor, abort.
- Imkien fl-emenda proposta mill-espert ma tgħid li intervent mediku bħal dan maħsub biex isalva l-ħajja ta’ omm jista’ jwassal indirettament għall-mewt ta’ tarbija.
- Il-fatt li din l-emenda ma tagħmel l-ebda distinzjoni legali bejn intervent mediku li deliberatament joqtol tarbija u wieħed li jista’ jwassal biss indirettament għall-mewt ta’ tarbija huwa sors ċar ta’ tħassib serju.
- L-emenda tal-“esperti” tista’ tintuża faċilment mill-Gvern biex jissanzjona l-abort peress li tista’ tiġi interpretata legalment f’dan is-sens.
- L-emenda proposta tal-esperti mkien ma tinkludi xi premessa inizjali jew “caveat” li għandu jsir kull sforz umanament possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija.
Barra minn hekk, il-qari tal-Position Paper ta’ dawn “l-esperti” juri li huma stess qegħdin jgħidu li:
“L-ewwel u qabel kollox, il-grupp interdixxiplinarju jqis li kif inhi l-liġi llum, id-dritt għall-ħajja tal-omm huwa mħares sew meta tkun tqala tikkawża kundizzjoni ta’ theddida għall-ħajja” (Paġna 4).
Allura, ġaladarba li dawn l-“esperti” nfushom jiddikjaraw bil-miktub li m’hemmx bżonn ta’ xi emendi legali ġodda għall-Kodiċi Kriminali, għaliex jikkuntradixxu lilhom infushom billi fil-fatt jipproponu emenda legali li titqies minnhom stess li mhix meħtieġa?
L-istess dokument maħrug mill-imsejħa esperti tgħid ukoll li:
“… issa rriżulta li fil-każ sfortunat ta’ Prudente, li hija l-ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, l-awtoritajiet tas-Saħħa tal-Gvern issa kkonfermaw li s-Sinjura Prudente qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha…” (Paġna 4).
Tajjeb! Mela dawn l-esperti jikkonfermaw li l-każ Prudente qed jintuża bħala skuża biex jiddaħħal l-abort f’Malta, u mbagħad fl-istess ħin jipproponu emenda legali li fil-fatt tħalli l-bieb miftuħ għall-abort minħabba l-kliem vag tagħha; it-tip ta’ kliem li legalment jista’ jkun miftuħ għal aktar minn interpretazzjoni waħda. Affarijiet li ma jitwemmnux!
Id-dokument tagħhom jgħid li l-emenda proposta minnhom għandha tinftiehem fis-sens li sitwazzjonijiet li ma jheddux il-ħajja tal-omm m’għandhomx jiġu inklużi fl-emenda li qegħdin jipproponu. Jekk dan huwa l-każ, għaliex l-emenda li jipproponu ma telenkax il-każijiet ta’ sitwazzjonijiet li ma jheddux il-ħajja?
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Pro Malta Christiana tqis li l-hekk imsejħa emenda “favur il-ħajja” ta’ dawn l-esperti mhi favur il-ħajja xejn, u tesponi b’mod ċar li t-tarbija fil-ġuf tista’ tiġi maqtula permezz tal-abort. Hemm rikors legali wieħed biss fid-dawl tal-emenda li qed tiġi proposta mill-gvern: żarmaha kompletament!
Philip M. Beattie
President
Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana
0 Comments