Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Il-PN: Iċ-Ċentru li Kaxkarna Lejn ix-Xellug — Part III

Feb 4, 2022 | Local

Dan l-artiklu huwa t-tielet parti minn rapport li ġie ppreżentat f’Ġunju tal-2018 mill-Kummissjoni Studji u Riċerka ta’ Pro Malta Christiana. Ir-rapport sħiħ qed jiġi riprodott hawnhekk bħala serje ta’ artikli.

Partit “Demokristjan” li Jimmina l-Valuri u l-Ordni Soċjali Nisranija

L-Introduzzjoni tad-Divorzju u l-Unjonijiet Ċivili

L-introduzzjoni tad-divorzju fuq l-arloġġ tal-PN kienet att ta’ tradiment tal-ordni soċjali Nisranija f’Malta, u wessgħet it-triq għad-diżaggregazzjoni tal-familja tradizzjonali b’konsegwenzi soċjali u morali għall-pajjiż. Agħar minn hekk, ġiet ppreparata l-art għal leġiżlazzjoni ta’ gravità morali u soċjali ikbar.

Il-maġġoranza tal-istudji soċjoloġiċi u antropoloġiċi juru kif id-divorzju joħloq faqar ġdid, sfaxxar ta’ relazzjonijiet familjari u żieda fid-delinkwenza; affarijiet li l-PN għalaq għajnejh għalihom wara referendum fejn ma kellu ebda mandat elettorali li jinżamm, kif innota tajjeb l-eks-Kap tal-PN, Eddie Fenech Adami.

It-Trattat ta’ Liżbona: L-Għajb ta’ Lawrence Gonzi

Fl-2007, mingħajr ma kellu d-diċenza li joffri referendum lill-poplu Malti, il-gvern Nazzjonalista ta’ Dr Gonzi impona trattat fuq Malta fejn il-Maltin kellhom jaċċettaw kostituzzjoni Ewropea b’emendi minimi, li tieħu preċedenza fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

B’hekk, il-ftit sovranità li kien għad fadlilha Malta ntilfet wara li ntilfet is-sovranità monetarja. Dan mill-istess partit li akkwista l-indipendenza politika għal Malta. Biżżejjed insemmu li hemm 68 oqsma ġodda fejn il-vot tal-maġġoranza tgħaddi fuq ir-rieda ta’ pajjiżi f’minoranza.

Bl-istess mod, is-sentenzi maħruġa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jieħdu preċedenza fuq il-liġijiet nazzjonali kollha fid-dawl tal-primat legali tal-UE.

Nieqes mit-Trattat ta’ Liżbona huwa kwalsijasi referenza lejn Alla u lejn l-għeruq Insara tal-Ewropa biex issawret identità Ewropea determinata esklussivament minn kultura anjostika abbinata mal-perjodu tal-“Illuminazzjoni”.

Abbinata mal-istess trattat, kien hemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li timponi viżjoni relattivista tad-drittijiet umani, u agħar minn hekk, viżjoni li tevolvi totalment kuntrarja għall-viżjoni Kattolika tad-drittijiet umani. Din il-karta tiċħad impliċitament l-eżistenza tal-Liġi Naturali.

Artiklu 2 tal-Karta tad-Drittijiet jirrestrinġi konsiderevolment il-protezzjoni tal-ħajja umana, u jiftaħ il-bibien beraħ għall-abort, esperimentazzjoni bl-embrijuni, l-ewtanażja u l-cloning mhux riproduttiv tal-persuni umani.

Din il-karta – parti integrali mit-Trattat ta’ Liżbona – ġiet ikkritikata mill-Papa San Ġwanni II b’dawn il-kliem:

“Mhux biżżejjed li temfasizza d-dinjità tal-persuna umana bi kliem fieragħ, jekk din tiġi serjament vjolata fin-normi tal-ordni ġuridika”Messaġġ lill-Kardinal Antonio Ortas fl-okkażjoni tal-1200 anniversarju mill-inkurunazzjoni ta’ Karlu Manju

Ta’ min ifakkar ukoll li t-Trattat ta’ Liżbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għall-ewwel darba jirrikonoxxu l-orjentazzjoni sesswali bħala bażi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni (Artikli 10 u 19 tat-Trattat ta’ Liżbona). L-istess trattat, f’Artiklu 9, jirrifjuta li jispeċifika ż-żwieġ bħala unjoni kontrattwali bejn raġel u mara.

It-Tmexxija tal-Aġenda Musulmana u Multikulturali

Fattur kontributorju għad-diżaggregazzjoni tas-soċjetà Maltija huwa n-numru dejjem jikber ta’ Musulmani f’Malta, li fil-parti maġġuri tagħhom huma immigranti irregolari u psewdo-refuġjati. Ir-reliġjon ta’ Mawmettu qiegħda ssir komponent soċjali u politiku f’Malta.

  • Biżżejjed insemmu s-self mingħajr imgħax mogħti lill-iskola Mariam al Batool mill-gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi fl-2011 u fl-2012 għal ammont totali ta’ €400,000, liema dejn ġie kkanċellat mill-istess gvern. Tul iż-żmien li dam Prim Ministru, l-istess Dr Gonzi qatt m’estenda self lejn skejjel privati mhux Musulmani u wisq inqas ħafer djun ta’ istituzzjonijiet edukattivi mhux Musulmani.
  • Il-Partit Nazzjonalista żamm skiet perfett fuq in-numru dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet għal moskej fil-pajjiż u l-użu illegali ta’ appartamenti bħala moskej fis-snin riċenti.
  • Wasalna fl-assurdità li forum apposta tal-partit jiċċelebra l-għeluq tax-xahar tar-Ramadan billi jorganizza festa kbira fil-kwartieri tal-istess partit, fejn ingħad talb Mawmettan.
  • Assurdità oħra hija l-imbuttar ta’ kandidata Musulmana ġewwa partit li suppost qiegħed hemm biex jieħu ħsieb l-interessi “tal-Kattoliċi u tal-Latini” skont l-innu tiegħu stess.
  • Dan kollu huwa f’isem il-korrettezza politika, u mingħajr rigward għall-valuri ġenwini tal-ġid komuni.

Li hu inkwetanti hu li l-PN jagħlaq għajnejh deliberatament quddiem l-effetti ħżiena tal-multikulturaliżmu, jinjora l-esperjenza qarsa ta’ pajjiżi oħrajn fl-Ewropa quddiem il-periklu tal-islamizzazzjoni tal-pajjiżi, fl-interess ta’ voti minn komunità li storikament qatt ma assimilat fis-soċjetajiet tradizzjonalment Insara fl-Ewropa, iżda minflok tmanti u timponi d-drawwiet kulturali tagħha.

M’hemmx pajjiż wieħed fl-Ewropa – bl-eċċezzjoni tal-Lussemburgu, li jħaddem numru kbir ta’ Ewropej indiġeni minn pajjiżi tal-Ewropa – li ma sofriex il-konsegwenzi ħżiena tal-multikulturaliżmu, evidenzjat minn:

  • Żieda kważi esponenzjali fil-kriminalità.
  • Tensjonijiet soċjali bejn ir-razez differenti.
  • Tkabbir ta’ ghettoes, banlieux u no-go areas għall-popolazzjoni indiġena f’żoni u fi bliet madwar l-Ewropa kollha, inkluża Malta.
  • Numru sproporzjonat ta’ immigranti fil-ħabsijiet tal-Ewropa.
  • L-introduzzjoni ta’ prattiċi barbari bħall-qtil tal-annimali bil-mezz halal u l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti.
  • Tibdil drastiku fid-dehra ta’ kwartieri sħaħ ta’ bliet, sal-punt li n-nies lokali jkollhom ifittxu jgħixu banda oħra.
  • Żieda qawwija ta’ atti terroristiċi ta’ matriċi Musulmana madwar l-Ewropa kollha.
  • Attakki minn immigranti Musulmani fuq minoranzi Lhud li ilhom jgħixu fl-Ewropa għal aktar minn 1,500 sena. L-eżempji tal-Iżvezja, il-Gran Brittanja u Franza f’dan ir-rispett huma elokwenti.
  • Tibdil fil-work practices ta’ kumpaniji, ristoranti u supermarkets biex ħaddiema immigranti Musulmani ma jkollhomx jaqdu l-pubbliku inġenerali fuq ċerti tipi ta’ ikel, bil-konsegwenza li fl-istess stabbiliment ikun hemm regoli differenti għall-istess kategorija ta’ ħaddiema.
  • Tibdil fil-liġijiet ta’ pajjiżi individwali Ewropej bħall-Gran Brittanja biex tiġi permessa l-applikazzjoni tal-Liġi tax-Xarija fejn tidħol il-Liġi tal-Familja, bil-konsegwenza li żewġ kodiċi ta’ liġijiet differenti jsaltnu fl-istess pajjiż.
  • Proliferazzjoni ta’ moskej illegali bil-problemi li dawn iġibu magħhom fiż-żoni kkonċernati.
  • Tneħħija ta’ kurċifissi u simboli Nsara f’pajjiżi tradizzjonalment Insara biex ma jiġux offiżi l-immigranti Musulmani.
  • Rikjesti persistenti biex l-Iżlam jiġi mgħallem saħansitra anke fl-iskejjel Kattoliċi.

Il-multikulturaliżmu mhux talli jdgħajjef l-identità tal-pajjiż, talli jżarma kompletament il-kunċett ta’ koeżjoni nazzjonali, għas-sempliċi raġuni li l-istatistiċi kollha juru li immigranti Musulmani ma jassimilawx ġewwa pajjiżi fejn jemigraw, imma jiffurmaw żoni sħaħ ta’ kultura totalment distinta mill-bqija tal-pajjiż.

Iż-“Żwieġ” ta’ Koppji Omosesswali

Hawnhekk, l-awtur ta’ dan ir-rapport irid irodd ħajr lill-Onorevoli Edwin Vassallo, forsi l-uniku wieħed fost il-grupp parlamentari Nazzjonalista preżenti li jistħoqqlu ġenwinament it-titlu ta’ “onorevoli” fid-dawl ta’ vjolazzjoni massiċċa mill-bqija tal-grupp parlamentari Nazzjonalista ta’ punt kardinali tat-tagħlim soċjali Nisrani fuq il-familja u ż-żwieġ.

L-Addozzjoni tal-Embrijuni minn Koppji Omosesswali u Dawk li Mhumiex Miżżewġin

Proprju f’dawn il-ġranet, l-Onor. Claudio Grech, f’isem il-PN ippropona emendi biex koppji omosesswali jaddottaw l-embrijuni fi vjolazzjoni kompleta tal-valuri u t-tagħlim Nisrani.

Is-Serviliżmu fil-Konfront tal-Unjoni Ewropea u l-Vjolazzjoni tal-Prinċipju tas-Sussidjarjetà

Meta partit bħall-PN jiftaħar bil-prinċipju Nisrani tas-sussidjarjetà u fl-istess ħin jarmi s-sussidjarjetà – li tiġi meta pajjiż ikollu l-kontroll ta’ oqsma kruċjali tal-politika nazzjonali, bħal, pereżempju, il-kontroll fuq il-fruntieri, il-politika monetarja, il-politika fiskali (li s’issa għadna ma tlifniex għal kollox) – allura wasal iż-żmien li l-iswed ngħidulu iswed u l-abjad ngħidulu abjad.

Il-PN waqqa’ l-prinċipju tas-sussidjarjetà għaż-żebliegħ minħabba kunċett bażwi u redikolu ta’ shared sovereignty. Osservatur oġġettiv ikun kapaċi jinduna li din ix-shared sovereignty hija banali u redikola meta jqabbel is-sovranità li taqsam il-Ġermanja mal-pajjiżi l-oħra tal-UE, fosthom Malta, mas-sovranità li taqsam Malta mal-pajjiżi l-oħra, fosthom il-Ġermanja.

Is-Silenzju Quddiem it-Theddida għall-Libertajiet Individwali u l-Effetti Ħżiena tal-Immigrazzjoni Minħabba l-Korrettezza Politika

Il-Gvern preżenti – bil-kompliċità tal-Oppożizzjoni – diġà ta ħjiel illi beħsiebu jilleġiżla biex kwalunkwe kumment kontra l-immigrazzjoni minn ċittadini Maltin jiġi tradott f“hate speech”.

L-iskuża li qegħdin iġibu hi li min hu kontra l-immigrazzjoni diżordinata u sfrenata fil-pajjiż, awtomatikament qed iqajjem sentimenti razzisti. Il-verità u r-realtà hija li l-aġenda tagħhom biex jimponu l-multikulturaliżmu fuq il-pajjiż bl-ebda mod sejra tammetti kritika kostruttiva u oġġettiva kontra l-politika favur l-immigrazzjoni irresponsabbli taż-żewġ partiti. Din hija d-direzzjoni mogħtija mill-Unjoni Ewropea – li minn komunità ekonomika saret komunità politika – li trid tkisser l-identità u l-indipendenza separati tal-pajjiżi membri, kif uriet biċ-ċar bit-Trattat ta’ Liżbona ffirmat mill-gvern ta’ Lawrence Gonzi.

Biżżejjed wieħed iħares madwaru biex jara n-nefqa tal-gvern fuq programmi ta’ brainwashing – ibda mill-iskejjel sekondarji – li qiegħda ssir f’Malta biex min ġenwinament jinkwieta fuq il-futur tal-pajjiż, fuq l-identità tradizzjonali Maltija, fuq il-ftit sovranità li fadlilha Malta u fuq l-identità kulturali Maltija jiġi emarġinat. Hemm theddida serja għall-libertà tal-espressjoni f’Malta mill-istabbiliment politiku Malti u l-hekk imsejħa ġurnali “indipendenti”. Jeħtieġ li l-poplu Malti jirrealizza kemm sejrin nitilfu drittijiet li konna nieħdu for granted minħabba l-proġett ibbażat fuq aġenda multikulturali li qed jiġi impost fuq il-Maltin, mingħajr ħadd ma vvota għalih.

Il-Promozzjoni tar-Relattiviżmu Sfrenat fil-Fora tal-PN

L-iktar forum progressiv, liberali, sekularista u ispirat mill-Marxiżmu Kulturali hu l-Forum Opportunitajiet Indaqs PN (FOIPN), li jorganizza l-preżenza ta’ diriġenti tal-PN fil-parata omosesswali annwali ġewwa l-Belt, l-ikla tar-Ramadan u affarijiet simili. Ħasra li partit darba mmexxi mill-valuri Kattoliċi jinsab maħkum saħansitra minn prinċipji kulturali Marxisti f’fora importanti.

0 Comments

Recent Comments

    Categories