Dan l-artiklu huwa t-tieni parti minn rapport li ġie ppreżentat f’Ġunju tal-2018 mill-Kummissjoni Studji u Riċerka ta’ Pro Malta Christiana. Ir-rapport sħiħ qed jiġi riprodott hawnhekk bħala serje ta’ artikli.
It-Tagħlim Soċjali Nisrani: Injorat, Vjolat u Minsi mill-PN
F’din is-sezzjoni nuru kif partit li jipproklama li jispira ruħu mid-duttrina Kattolika mhux talli nesa l-istess duttrina, imma injoraha għal raġunijiet ta’ espedjenza politika, fejn iwiegħed kollox lil kulħadd mingħajr dixxerniment ta’ xejn fuq il-konsegwenzi gravi li aġir simili jġib. Kemm il-darba l-aġir tal-PN wera ruħu bħala vjolazzjoni tal-istess prinċipji Nsara.
Il-Kunċett Nisrani fuq ir-Relazzjoni bejn Stat u Knisja
“Peress li m’hemmx ċiviltà vera mingħajr ċiviltà morali, m’hemmx ċiviltà morali mingħajr ir-reliġjon veru” – Papa San Piju X, Ittra Appostolika Notre Charge Apostolique, 25 ta’ Awwissu 1910
L-istess Papa jinnota kif:
“Iċ-ċiviltà fid-dinja hija ċ-ċiviltà Nisranija, u iktar ma tkun Nisranija, iktar tkun fekunda bil-frott li tissawwar, iktar iddum maż-żminijiet: l-istess ċiviltà taqa’ aktar u iktar f’proċess ta’ deklin iktar ma tkun il-bogħod mill-idea Nisranija, bi ħsara enormi għall-ġid komuni” – Enċikklika Il Fermo Proposito, 11 ta’ Ġunju 1905
Il-prinċipju ta’ stat Nisrani huwa ssalvagwardjat fil-kliem tal-Papa Ljun XIII:
“L-istati ma jistgħux iġibu ruħhom bħallikieku Alla ma jeżistix, jew jittraskuraw ir-Reliġjon Kattolika bħala xi ħaġa privata jew barranija jew ta’ importanza żgħira, li tiġi addottata bħala waħda fost ħafna reliġjonijiet: għall-kuntrarju, il-pajjiżi għandhom l-obbligu li jonoraw lil Alla fil-forma u bil-manjiera li Hu wera li jixtieq” – Enċikklika Immortale Dei, 1 ta’ Novembru 1885
It-teżi opposta tan-newtralità reliġjuża tal-istat ġiet ikkundannata kemm il-darba mill-Papiet bħala “inġurjuża kontra Alla” (Papa San Piju X, Enċikklika Vehementer, 11 ta’ Frar 1906).
U kif jgħallem il-Papa Piju XII:
“Dak li ma jibbażax ruħu fuq il-verità u fuq norma morali, oġġettivament m’għandu l-ebda dritt la għall-eżistenza, la għall-propaganda, u wisq inqas għall-azzjoni u implementazzjoni” – Diskors Ci Riesce quddiem il-Ġuristi Kattoliċi, 6 ta’ Diċembru 1953
L-istat jista’ għal raġunijiet gravi u minħabba ġid superjuri jipprattika t-tolleranza reliġjuża, imma ma jista’ qatt jeleva din it-tolleranza bħala dritt, bir-riżultat li l-istat ikun newtrali quddiem ir-reliġjon. Il-lajk Kattoliku jista’ jaċċetta l-istat newtrali quddiem ir-reliġjon, imma ma jista’ qatt jaċċettah bħala prinċipju.
Kif jgħallem il-Papa San Ġwanni Pawlu II:
“Jekk San Tumas ifakkarna li l-liġijiet umani, biex ikunu ġusti, iridu jkunu bbażati fuq il-Liġi Naturali, il-Konċilju Vatikan II jikkonferma l-prinċipju li: L-għan suprem tal-ħajja umana huwa l-istess liġi divina, eterna, oġġettiva u universali [Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 3], li tagħti lill-liġijiet umani l-valuri proprja tagħhom u l-protezzjoni tagħhom biss f’ordni morali … Stat ‘newtrali’ quddiem l-eżiġenzi ta’ verità, ta’ mħabba, ta’ sigurtà, ta’ ġustifikazzjoni tal-ħajja, huwa ddestinat li jiġi xolt. Dan l-istat mhuwiex ċertament il-font tal-moralità …” – Diskors lill-Ġuristi Kattoliċi Taljani, 4 ta’ Diċembru 1982
Papa Pawlu VI, min-naħa tiegħu jgħallem li:
“Is-sekularizzazzjoni fiha nnifisha … tmur dejjem fid-direzzjoni tal-antropoċentriżmu u tal-immanentiżmu, u f’dan il-konfront, il-fidi Nisranija ma tistax tirreduċi ruħha … Il-Kattoliċiżmu ma jista’ qatt jaċċetta jew jammetti kwalunkwe tip ta’ sekularizzazzjoni” – Diskors quddiem il-Kongregazzjoni Plenarja tas-Segretarjat għal Dawk li mhumiex Insara, 18 ta’ Marzu 1971
Fuq iż-Żwieġ Indissolubbli u Naturali bejn Raġel u Mara
Skont Papa Piju XI:
“L-ewwellnett, Kristu stess emfasizza l-indissolubiltà taż-żwieġ meta jgħid: ‘Kull min jeħles mill-mara tiegħu u jiżżewweġ oħra jikkommetti adulterju … ’ u Santu Wistin b’mod ċar ipoġġi dak li jsejjaħ il-barka taż-żwieġ f’din l-indissolubiltà meta jgħid: ‘F’dan is-sagrament, huwa ordnat li r-rabta taż-żwieġ m’għandha qatt titkisser, u jekk raġel u l-mara tiegħu jisseparaw, m’għandhomx jieħdu persuna oħra anke biex jitnisslu t-tfal’” – Enċiklika Casti Connubii, 32, 33, 31 ta’ Diċembru 1930
Fuq il-Kunċett ta’ Familja u Prinċipji Mhux Negozzjabbli
Fid-diskors tiegħu lir-rappreżentanti tal-Partit Popolari Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2006, Papa Benedittu XVI qal:
“Hemm prinċipji li mhumiex negozzjabbli: il-protezzjoni tal-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha, mill-bidu tal-konċepiment sal-mewt naturali; ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-istruttura tal-familja bħala unjoni bejn raġel u mara bbażata fuq iż-żwieġ, u d-difiża tagħha quddiem attentati biex tispiċċa ġuridikament ekwivalenti ma’ forom radikalment differenti ta’ unjoni li fir-realtà jagħmlulha ħsara u jikkontribwixxu għad-destabilizzazzjoni taż-żwieġ naturali”
Fuq Diskriminazzjoni Leġittima
Skont il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi:
“Li tiddiskrimina bejn persuni jew li tirrifjuta rikonoxximent soċjali jew benefiċċji hija inaċċettabbli biss meta dawn imorru kontra l-ġustizzja. Iċ-ċaħda tal-istatus soċjali u legali ta’ żwieġ għal forom ta’ koabitazzjoni li mhumiex u ma jistgħu jitqiesu qatt bħala forom ta’ żwieġ ma tmurx kontra l-ġustizzja; għall-kuntrarju, il-ġustizzja stess titlob ċaħda simili” – Considerations Regarding Proposals to Give Legal Recognition to Unions between Homosexual Persons, Joseph Cardinal Ratzinger, 31 ta’ Lulju 2003
Fuq il-Kunċett ta’ Interess Nazzjonali u l-Ġid Komuni fil-Konfront tal-Immigrazzjoni Diżordinata
Skont il-Kummissjoni Pontifikali Justitia et Pax:
“Huwa naturalment il-kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi, li huma responsabbli għall-ġid komuni, biex jiffissaw liema hija l-proporzjoni ta’ refuġjati jew immigranti li l-pajjiż jiflaħ għalih, billi jżommu quddiem għajnejhom il-possibilitajiet ta’ xogħol u l-prospettivi tagħhom għall-iżvilupp … L-istat għandu obbligu li jevita li tiġi kreata sitwazzjoni ta’ skwilibriju soċjali gravi … li tista’ tiġri meta l-preżenza ta’ gruppi kbar wisq ta’ persuni ta’ kultura differenti tiġi meqjusa bħala theddida għall-identità u għad-drawwiet tal-komunitajiet lokali” – Il-Knisja Quddiem ir-Razziżmu, 3 ta’ Novembru 1988, Nr. 29
Fuq is-Sovranità Nazzjonali u l-Identità Nazzjonali
Skont Papa San Ġwanni Pawlu II:
“Irridu nagħmlu minn kollox biex nerfgħu din l-eredità spiritwali, immantnuha, nipproteġuha u niżviluppawha. Dan ix-xogħol hu importanti fis-soċjetajiet kollha, partikolarment għal dawk il-pajjiżi li jridu jiddefendu l-eżistenza tagħhom u l-eżistenza essenzjali ta’ pajjiżhom minn qerda provokata minn barra l-pajjiż jew minn dekompożizzjoni minn ġewwa” – Ittra Appostolika għas-Sena Internazzjonali taż-Żgħażagħ, 1985
Skont Papa Piju XII:
“Teżisti ordni magħmula minn Alla, ibbażata fuq il-ħtieġa li jrid ikollok imħabba iktar intensiva u li tagħti preferenza lil dawk li għandek rabta speċjali magħhom. L-Imgħallem Divin tagħna ta eżempju ta’ din l-imħabba preferenzjali lejn artu u pajjiżu meta beka fuq il-qerda tal-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm” – Enċikklika Summi Pontificatus, 20 ta’ Ottubru, 1939
Fuq it-Tolleranza tal-Ħażen
Kif jgħallem Papa Piju XII:
“Dak li ma jibbażax ruħu fuq il-verità u fuq norma morali, oġġettivament m’għandu l-ebda dritt la għall-eżistenza, la għall-propaganda, u wisq inqas għall-azzjoni u implementazzjoni” – Diskors Ci Riesce quddiem il-Ġuristi Kattoliċi, 6 ta’ Diċembru 1953
0 Comments