Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Il-PN: Iċ-Ċentru li Kaxkarna Lejn ix-Xellug — Parti IV

Feb 6, 2022 | Local

Dan l-artiklu huwa r-raba’ u l-aħħar parti minn rapport li ġie ppreżentat f’Ġunju tal-2018 mill-Kummissjoni Studji u Riċerka ta’ Pro Malta Christiana. Ir-rapport sħiħ qed jiġi riprodott hawnhekk bħala serje ta’ artikli.

Il-“Mod Ġdid” tad-Diriġenza Nazzjonalista

Il-“Mod Ġdid” tad-diriġenza l-ġdida tal-partit hu, frankament, diżappuntanti u illużorju, fid-dawl ta’ dawn il-fatti innegabbli li ġejjin:

  • Għotja ta’ free vote fuq kwistjonijiet morali meta l-partit għandu jintrabat mat-tagħlim soċjali Nisrani.
  • Ipokrisija fuq is-saltna tad-dritt: Meta wieħed jara l-ipokrisija taż-żewġ partiti li jtambru fuq is-saltna tad-dritt filwaqt li l-PL u l-PN stess huma responsabbli għal politika li tmexxi l-aġenda kontra l-ħarsien tal-fruntieri minħabba ż-Żona Schengen, u meta huma stess jiggarantixxu li kull meta kriminali minn barra l-UE jinstabu ħatja ta’ reati u delitti serji ma jistgħux jiġu ddeportati lura f’pajjiżhom minħabba l-istatus kontroversjali ta’ “protezzjoni umanitarja”, forsi wasal iż-żmien li l-Maltin u l-Għawdxin jibdew jistaqsu jekk teżistix aġenda moħbija intiża biex timmina s-sovranità nazzjonali u l-ġid komuni.
  • L-istess atteġġjament inkonsistenti huwa rrapreżentat mis-silenzju elokwenti tal-PN fuq l-investigazzjonijiet għaddejjin fl-Italja fuq NGOs ibbażati f’Malta, bħal MOAS, li allegatament qegħdin iservu bħala mezz ta’ traffikar tal-persuni.
  • It-tolleranza tal-PN fil-konfront ta’ deputati u ewrodeputati meqjusin bħala alleati ta’ George Soros hija xokkanti. F’Novembru tas-sena 2017, inkixef rapport miktub mill-Open Society Foundation, NGO miljunarja ffinanzjata minn George Soros li qiegħda tagħmel minn kollox biex timponi iktar numri ta’ immigranti minn pajjiżi Musulmani fuq l-Ewropa kollha, kif ukoll tiffinanzja kampanji favur l-abort, l-ewtanażja u l-ideoloġija tal-ġeneru. Ewrodeputata tal-PN u ex-ewrodeputata – illum deputata fil-parlament Malti – ġew elenkati f’dan ir-rapport bħala “alleati li tista’ tafdahom” tal-fondazzjoni tal-istess George Soros. Ta’ min isemmi li l-Open Society Foundation ta’ Soros hija fil-quċċata ta-kampanja biex jiżdiedu r-restrizzjonijiet legali u sanzjonijiet penali fuq il-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa.
  • L-injoranza grassa fil-PN dwar il-kontenut, l-istruttura u l-għanijiet tal-Iżlam bħala reliġjon u ideoloġija politika b’liġijiet politiċi u struttura ġuridika bbażata fuq ix-Xarija, ma tawgurax tajjeb, la għall-ġejjieni tal-partit, u wisq inqas għall-ġejjieni tal-pajjiż.
  • L-iskandlu promoss mill-PN tal-ideoloġija xjentifikament żbaljata u duttrinalment eretika tal-ġeneru, permezz ta’ kandidati, tqegħid ta’ fjuri u ritratti tal-mexxej b’posters li jmexxu l-aġenda LGBTIQ anti-Kristjana, jippompletaw l-impressjoni demoralizzanti li Nazzjonalisti ġenwini għandhom tal-PN. Il-PN m’għandux il-konvinzjoni morali li jipproklama li “raġel u mara ħalaqhom” u jinjora b’mod konvenjenti l-istudji xjentifiċi u mediċi kollha li jikkonfermaw li t-tielet ġeneru ma jeżistix.

Konklużjoni: Partit Relattivista li Jinsolenta l-Valuri ta’ Religio et Patria

Dan hu l-kwadru li joħroġ ta’ partit li darba kien glorjuż, iżda li ħa rwol important f’proċess ta’ dekristjanizzazzjoni ta’ Malta. Il-PN nesa li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, u jinsab maħkum minn relattiviżmu sfrenat, u kultura ta’ korrettezza politika minflok sens komun.

Dak il-motto li kien jiftaħar bih – ġustament – ma jiswa kważi xejn. Minflok jattakka pajjiżi bħall-Polonja u l-Ungerija li qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiddefendu l-patrimonju l-iktar prezzjuż ta’ pajjiżhom, il-kultura u ċ-ċiviltà Nisranija, ikun aħjar jekk il-PN jitgħallem mill-eżempju tal-gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi.

Pro Malta Christiana toffri dawn il-ħsibijiet, in conspectu altissimi, konxja li s-soċjetà tagħna qiegħda taqdi dmirha lejn Alla u lejn pajjiżna f’dawn iż-żminijiet kruċjali għall-ġejjieni ta’ Malta.

0 Comments

Recent Comments

    Categories