Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Il-PN: Iċ-Ċentru li Kaxkarna Lejn ix-Xellug — Parti I

Feb 1, 2022 | Local

Dan l-artiklu huwa l-ewwel parti minn rapport li ġie ppreżentat f’Ġunju tal-2018 mill-Kummissjoni Studji u Riċerka ta’ Pro Malta Christiana. Ir-rapport sħiħ qed jiġi riprodott hawnhekk bħala serje ta’ artikli.

Introduzzjoni: Il-Kambjament Ideoloġiku tal-PN u l-Użu ta’ Kliem Taliżmaniċi fil-Promozzjoni tal-Proċess Rivoluzzjonarju f’Malta

Il-ktieb intitolat Il Centro che ci Portò a Sinistra, miktub mill-istoriku Kattoliku Taljan Roberto de Mattei (Edizione Fiducia, Ruma, 1994) kienet l-ispirazzjoni wara dan ir-rapport. Il-ktieb ta’ de Mattei jelenka sensiela ta’ tradimenti u mossi mill-partit Demokristjan Taljan (“Democrazia Cristiana” – DC) biex l-Italja ġiet prattikament “skristjanizzata” fuq medda ta’ 50 sena.

Fost oħrajn, l-awtur isemmi r-responsabbiltà tad-DC Taljana fil-proċess antitetiku għat-tagħlim soċjali Kattoliku, cioè, it-tkisser tal-ordni soċjali Nisranija f’dak il-pajjiż, permezz tal-introduzzjoni tad-divorzju, tal-abort, tal-unjonijiet ċivili bejn koppji omosesswali u tnaqqis fl-isfera tal-influwenza u l-awtorità tal-Knisja Kattolika minn partit “lajk” u anti-konfessjonali li dejjem tambar li kien kollokat fiċ-ċentru tal-iskjerament politiku Taljan.

Is-similaritajiet bejn il-proċess fundamentalment anti-Kristjan immexxi mill-partit Demokristjan fl-Italja u l-istess proċess immexxi mill-Partit Nazzjonalista (PN) – li beda taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi u għadu għaddej taħt it-tmexxija l-ġdida tal-partit – huma impressjonanti.

L-użu ta’ kliem hekk imsejħa “taliżmaniċi” mill-Professur Plinio Corrêa de Oliveira – l-ispiratur tas-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija – għenu ħafna f’dan il-proċess. Fil-ktieb Trażbord Ideoloġiku mhux Perċeput u Djalogu (1966, São Paulo, Brażil), dan il-ħassieb Kattoliku Brażiljan wera kif ir-rwol tal-lingwaċċ jgħin ħafna biex imexxi aġenda xellugija meta kliem bħal “djalogu”, “ġustizzja soċjali”, “paċi”, “ekumeniżmu” u “integrazzjoni” jintużaw iktar u iktar barra l-kuntest u d-definizzjoni proprja tagħhom, bir-riżultat li mingħajr ma jinduna, wieħed ikun qed jokkupa pożizzjonijiet kulturalment Marxisti fuq diversi kwistjonijiet. Dan il-mekkaniżmu ta’ propaganda psikoloġika ilu li ħakem lill-Partit Nazzjonalista kif wieħed faċilment jinduna mill-programmi fuq il-mezzi tax-xandir tal-istess partit tul is-snin.

Wasalna f’sitwazzjoni fejn partit darba glorjuż, li ġie kkonsagrat lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fl-1927, qiegħed imexxi proċess ta’ dgħufija tal-identità nazzjonali u kulturalment Nisranija ta’ Malta. L-istess partit li ġab l-indipendenza għal Malta fl-1964 warrab l-istess indipendenza mal-ġenb biex prattikament iċedi s-sovranità kollha ta’ pajjiżna quddiem proċess irriversibbli ta’ federaliżmu Ewropew, l-iktar permezz tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona minn gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi. L-istess gvern li daħħal id-divorzju f’pajjiżna avolja ħa pożizzjoni uffiċjalment kuntrarja għat-tkissir taż-żwieġ indissolubbli bejn raġel u mara.

Mill-introduzzjoni tad-divorzju ’l hawn, frott tal-ħidma tal-faxxa liberali tal-partit, l-istess Partit Nazzjonalista rrinunzja li jkun tarka tal-valuri ta’ Religio et Patria u għażel minflok li jmexxi aġenda progressista, sekularizzanti, multikulturali u frankament anti-Kristjana.

Is-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija – Pro Malta Christiana toffri dawn il-kunsiderazzjonijiet bħala sforz biex tiftaħ għajnejn id-diriġenti Nazzjonalisti għall-ħsara morali u soċjali enormi li saret fil-konfront tas-soċjetà u l-poplu Malti f’dawn l-aħħar 30 sena. Il-PN jrid jagħti rendikont ta’ għemilu lin-Nazzjonalisti ġenwini li tbegħdu mill-partit.

L-oppożizzjoni ta’ Pro Malta Christiana fil-konfront tal-PN mhijiex atteġġjament negattiv u vulgari fil-konfront ta’ dan il-partit bl-intenzjoni li tweġġa’ lill-partit, u għall-grazzja biex nopponu lill-PN, imma hija frott ta’ ħidma li ssib l-ispirazzjoni tagħha fil-Maġisterju soċjali u morali tradizzjonali tal-Knisja Kattolika.

Pro Malta Christiana beħsiebha tkompli bil-ħidma tagħha kontra kull partit politiku li jmexxi aġenda anti-Kristjana u anti-sovranista, fl-isforz biex tiġi rrestawrata l-ordni soċjali Nisranija f’pajjiżna.

Pro Malta Christiana: Ir-Restawr tal-Ordni Soċjali Nisranija

Ir-restawr tal-ordni soċjali Nisranija huwa enkapsulat fil-frażi tal-Papa Piju XII fl-allokuzzjoni li għamel quddiem in-nobbiltà Rumana fl-14 ta’ Jannar 1945:

“Id-dinja kollha – trid tiġi rrestawrata: l-ordni universali trid terġa’ tiġi stabbilita, l-ordni materjali, l-ordni intellettwali, l-ordni morali, l-ordni soċjali u l-ordni internazzjonali; kollox jeħtieġ li jerġa’ jinbena u jitpoġġa fuq binarji ta’ moviment regolari u kostanti. Din it-trankwilità tal-ordni, li hija l-paċi, l-uniku paċi vera, ma tistax ma tinbeniex ħlief lis-soċjetà umana terġa’ tingħaqad ma’ Kristu, biex kollox jiġi rrikapitolat fih: instatuare omnia in Christo (Ef 1:10)” – Discorsi e Radiomessaggi, vol 6, pg. 273

Fi kliem ieħor, hemm bżonn li tiġi rrestawrata ordni temporali Nisranija fil-pajjiżi, inkluża Malta, u għal dan il-għan, is-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija twieldet, speċjalment meta wieħed jiftakar li dan huwa kompitu speċifiku tal-lajċi, kif turi d-duttrina tradizzjonali tal-Knisja.

0 Comments

Recent Comments

    Categories