Dan l-artiklu huwa traduzzjoni ta’ “The E.U. is Coming for Catholics” ta’ Marek Jan Chodakiewicz, li dehret fuq ir-rivista Crisis Magazine
Il-Polonja u l-Ungerija reġgħu ġew fl-inkwiet mal-Unjoni Ewropea. Superfiċjalment, jidher li din id-darba hemm nuqqas ta’ qbil rigward baġit li la Varsavja u la Budapest ma tixtieq tapprova. Iżda fl-essenza tagħha hija kunflitt bejn il-postmoderiżmu fuq naħa, u t-tradizzjonaliżmu fuq l-oħra. Brussell taspira li timponi, b’mod brutali, l-iskemi ta’ inġinerija soċjali fuq il-Pollakki u l-Ungeriżi, li jqisu din l-imġiba goffa bħala ksur tas-sovranità nazzjonali tagħhom.
F’dan il-mument, qegħdin nosservaw ġlieda fuq żewġ kwistjonijiet fundamentali: l-immigrazzjoni u s-sesswalità. Brussell tpatpat u titbaqbaq fuq il-moviment ħieles u d-drittijiet umani. Il-Polonja u l-Ungerija jridu sempliċiment jaċċettaw kwalunkwe kwota ta’ migranti tat-Tielet Dinja (Fil-maġġoranza Musulmani) li l-UE stabbilixxiet għall-istati membri. Apparti minn hekk, iridu wkoll jaċċettaw ir-regoli u r-regolamenti kollha li jaġevolaw il-kawżi LGBT, l-abort, u l-bqija – affarijiet li misshom ilhom li saru fir-reġjun. Tal-inqas, skont Brussell.
Biex iqegħduhom fejn iridu, l-Ewrokratiċi jgħajru lill-mitlufin fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant razzisti, omofobiċi u misoġinisti. Brussell tumbra lill-poplu Magjar u dak Pollakk talli jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom stess. L-UE tixgħel bir-rabja għax il-kostitwenti tal-Polonja u l-Ungerija t-tnejn iqisu ż-żwieġ bħala l-għaqda bejn raġel u mara. Il-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea jobogħdu l-fatt li l-Parlament Ungeriż waqfet milli tiffinanzja “it-teoriji kritiċi”, “l-istudji tal-ġeneru”, u programmi simili fl-universitajiet tal-pajjiż. Fl-aħħarnett, il-prinċpijiet tas-soprastat Ewropew jinkorlaw minħabba l-protezzjoni tal-ħajja fil-Polonja, b’mod partikolari l-fatt li l-abort ma jistax jingħata kif u meta wieħed jixtieq.
Iżda l-Pollakki u l-Ungeriżi la huma razzisti ta’ l-ebda tip u lanqas għandhom xi tip ta’ fobija relatata mas-sess. Isostnu biss difiża kontra l-konsegwenzi malinni ta’ dawk l-ideoloġijiet in voga li tħaddan l-UE – ideoloġiji li ġabu tant tkissir fl-Ewropa tal-Punent. Għaldaqstant, il-Pollakki u l-Ungeriżi jarawhom disinġenwi dawn ir-restrizzjonijiet. Għalihom, hija kwistjoni ta’ protezzjoni tas-sovranità, inkluż l-qofol kulturali tan-nazzjonijiet tagħhom.
Huma stess jiddeċiedu min jista’ u min ma jistax jgħammar ġewwa l-fruntieri tagħhom. U dawn kienu pjuttost ospitanti u qalbiena lejn il-barrani fil-bżonn. Pereżempju, il-Polonja ma tospitax biss madwar miljun refuġjat u migrant ekonomiku mill-Ukrajna, iżda aċċettat ukoll li tilqa’ Insara Sirjani fuq ix-xmara Vistula.
Iktar minn hekk, fejn jidħlu refuġjati tal-gwerra mis-Sirja, sew l-Ungeriżi u sew il-Pollakki – permezz tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet karitattivi reliġjużi tagħhom – qegħdin jagħmlu xogħol siewi fl-oriġini, fejn l-aktar jeħtieġ: fil-kampijiet tar-refuġjat tal-Lvant Nofsani. B’dan il-mod, il-bżonnijiet ta’ dawk li m’għandhomx sold qegħdin jinqdew in situ. L-iżvinturati jibqaw viċin id-dar, lesti biex jirritornaw meta l-ġlied jintemm.
Dak huwa l-aktar mod effiċjenti biex tindirizza traġedja umana ta’ dan it-tip; il-punt mitluf fuq Brussell, u b’mod partikolari, Berlin. Is-sidien tal-UE jippreferu jilqgħu influssi ta’ refuġjati fuq il-Kontinent u jagħmlu reverenza quddiem l-allat tal-multikulturaliżmu…u biex, meta jasal il-waqt, iżidu d-dħul mit-taxxi, jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddiema u jreġġaw lura l-kollass demografiku.
Jordnaw ukoll lill-Ungeriżi u lill-Pollakki biex jiġu f’posthom fejn jidħlu l-kwistjonijiet LGBT. Il-Polonja u l-Ungerija jridu jaħsbu dejjem bil-quddiem, kif taħseb il-bqija tal-UE, b’mod partikolari n-naħa tal-Punent. Dan ifisser li l-liġijiet li jipproteġu l-familja tradizzjonali jridu jinbidlu, kif ukoll l-introduzzjoni ħerqana ta’ kollox miż-żwieġ omosesswali għall-addozzjoni mill-istess koppji, sa sessjonijiet ta’ induttrinazzjoni obbligatorji fuq il-fluwidità tal-ġeneru, it-transġenderiżmu u kisbiet oħra tal-hekk imsejħa “ċittadinanza sesswali” li saret in-norma fil-Punent.
Hekk kif dawn in-“normi” jiġu imposti fuq l-Ungeriżi u l-Pollakki, it-triq għal aktar meravilji ta’ dik li San Ġwanni Pawlu II sejjaħ “il-kultura tal-mewt” ser tinfetaħ beraħ. L-Ewtanasja qiegħda ssejħilna. Min jaf? Il-pedofelija taf tkun fuq l-aġenda hekk kif il-progressivi jinsistu li nbaxxu l-età tal-kunsens. Huwa dan li qegħdin jistennew u jibżgħu minnu Varsavja u Budapest.
Imbagħad, kif qegħdin bħalissa, mhu se jkun hemm l-ebda lok għad-diversità taħt id-dommi ta’ Brussell u Berlin. Kulħadd irid joqgħod mal-linja.
Din hija l-lenti li minnha wieħed għandu jara l-aktar taqbida riċenti. L-Ewrokratiċi kkundizzjonaw ir-ridistribuzzjoni tat-taxxi Pollakki u Ungeriżi fuq il-konformità mal-emigrazzjoni bla rażan u r-Revoluzzjoni Sesswali. Għalhekk, iż-żewġ nazzjonijiet użaw il-veto biex iwaqqgħu l-baġit tal-UE. Qed ngħidu $2.2 triljun. B’hekk, il-baġit mhu ser ikun marbut mal-ebda obbligu li tiddaħħal xi skema ta’ inġinerija soċjali.
L-UE irritaljat billi introduċiet mod alternattiv ta’ kif tqassam il-ġenerożità tagħha permezz ta’ “bridge fund”. Biha, l-eżekuttiv tal-UE (li, naturalment, ma jtellgħux il-poplu) ser ikun jista’ jeskludi pajjiżi dissidenti mill-proċess tad-distribuzzjoni. Tal-aħħar jinkludi ammont ġeneruż imwarrab biex jittaffew l-effetti tal-COVID. B’hekk, is-sidien fi Brussell jiksru proċeduri parlamentarji billi b’mod burokratiku jimminaw il-proċess demokratiku u jallokaw il-fondi kif jidhrilhom għal pajjiżi ubbidjenti.
S’issa, l-Ungerija u l-Polonja rrifjutaw milli jiċċaqalqu. Kull naħa tinsab f’paniku biex tfittex l-alleati. Id-dissidenti mhux biss tħabbu mal-Kroati u l-iSloveni, li għandhom gvernijiet pjuttost konservattvi, iżda avviċinaw ukoll il-Portugiżi, li huma mmexxija mix-xellug.
L-UE irtirat ukoll l-ogħla rappreżentant tagħha mill-Polonja. Żewġ reġjunijiet Belġjani temmew ir-relazzjonijiet diretti mal-kontrapartijiet Pollakki tagħhom. Il-politiku demokratiku-soċjali ewlieni tal-Ġermanja, Martin Schulz, hedded li jaqta’ is-sussidji lill-Ungerija jekk jiġi elett kanċillier. Il-Paralment Olandiż ħalef li jkaxkar lill-Polonja quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali talli allegatament ittorturaw il-persuni omosesswali.
Il-bumbardament ma jieqaf qatt, b’mod estatiku megħjun mill-media liberali li tgħawweġ il-fatti. L-attakki se jieqfu biss meta l-Ungerija u l-Polonja jċedu.
Meta l-Ungerija u l-Polonja ssieħbu mal-UE fl-2004, ġew attirati mill-prospett ta’ suq ħieles f’unjoni ta’ stati nazzjonijiet sovrani. Minn dakinhar l’hawn, l-UE saret soprastat lest biex juża l-poter tiegħu kontra l-libertà, il-familja, it-tradizzjoni u l-patrijottiżmu.
Kien hemm raġuni wara l-Brexit, hux?
0 Comments