Maltese Society for Christian Civilisation

Pro Malta Christiana

Jien Kattoliku/a: Nista’ Nopponi l-Immigrazzjoni tal-Massa “Regolari” jew “Irregolari”?

Apr 24, 2021 | Local | 0 comments

This article is available in English

1. Jeżisti dritt assolut għall-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni?

Id-dritt għall-immigrazzjoni jeżisti fil-liġi naturali, ladarba d-dinja tappartjeni għall-bnedmin kollha.

Madankollu, stati stabbiliti leġittimament għandhom dritt naturali li jirregolaw l-immigrazzjoni fit-territorji tagħhom sabiex jiddefendu l-ġid komuni taċ-ċittadini. Dan ma japplikax biss għal raġunijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà, iżda wkoll għall-patrimonju spiritwali u kulturali ta’ dawn l-istati, inkluża l-identità nazzjonali. Hekk kif il-ġid individwali tal-immigrant ma jistax jagħti ġenb lil jew jhedded il-ġid komuni tan-nies tal-pajjiż partikolari, mela d-dritt għall-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni mhuwiex dritt assolut. Dan id-dritt hu kkundizzjonat mill-funzjoni soċjali tiegħu, bażikament billi il-ġid komuni tan-nies tal-pajjiż ma jitpoġġix f’riskju.

2. Malta għandha dritt tipproteġi l-fruntieri tagħha mill-immigrazzjoni “irregolari”?

Skont id-duttrina soċjali tradizzjonali tal-Knisja Kattolika, hekk kif spjegata minn Papa Piju XII, hemm żewġ kundizzjonijiet essenzjali li jiġġustifikaw l-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni f’pajjiż sovran. Dawn huma: (i) il-bżonn estrem tal-immigrant u (ii) id-dritt tan-nazzjon li qed jilqa’ l-immigrant, li jirrestrinġi l-aċċess fl-interess tal-ġid komuni. Fil-Kostituzzjoni Apostolika tiegħu Exsul Familia, il-Papa Piju XII jgħallem:

Jekk xi art toffri l-possibbiltà li tilqa’ numru kbir ta’ rġiel, wieħed ma jistax jipprojbixxi, għal raġunijiet insuffiċjenti u għal kawżi mhux ġustifikati, aċċess għall-barranin fil-bżonn u onesti, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet dwar l-utilità pubblika, li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bl-akbar attenzjoni u kuxjenza.”

Anke d-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Pontifikali Justitia et Pax fl-1988 – li huwa mxaqleb ħafna favur l-immigrazzjoni – jagħmilha ċara din il-kundizzjoni:

Taqa’ b’mod naturali fuq l-awtoritajiet pubbliċi li huma responsabbli għall-ġid komuni, biex jistabbilixxu x’inhu l-proporzjon ta’ refuġjati jew immigranti li pajjiżhom huwa kapaċi jospita, filwaqt li jqis il-possibbiltajiet tal-pajjiż għall-impjiegi u prospetti ta’ tkabbir ekonomiku. (…) L-Istat għandu jiggarantixxi li jiġu evitati sitwazzjonijiet gravi ta’ żbilanċ soċjali li jkunu akkumpanjati minn fenomeni soċjoloġiċi ta’ rifjut ta’ migranti minħabba l-preżenza ta’ numru kbir wisq ta’ persuni ta’ kultura differenti li huma meqjusin bħala theddida diretta għall-identità u d-drawwiet tal-komunità lokali.

Konsegwentement, kwalunkwe pajjiż jista’ jipproteġi l-fruntieri tiegħu kontra l-influssi diżordinati ta’ immigranti, u dan jista’ jinkludi l-għeluq ta’ ajruporti u portijiet tal-baħar jekk l-awtoritajiet pubbliċi jħossu li l-ġid komuni qed jiġi mhedded minn dawn l-influssi.

3. Il-multikulturaliżmu li jirriżulta mill-immigrazzjoni “regolari” u “irregolari” huwa ta’ benefiċċju għaċ-Ċiviltà Nisranija f’Malta?

Il-multikulturaliżmu huwa t-teorija li tiġġustifika l-erożjoni tas-soċjetà li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ immigranti fi stat mingħajr ebda assimilazzjoni f’dik is-soċjetà. B’hekk, fin-nazzjon ospitanti tinħoloq taħwida jew akkumulazzjoni ta’ etniċitajiet u komunitajiet differenti li huma paralelli jew konkorrenti mal-Istat. Dan faċilment iwassal għall-formazzjoni ta’ “ghettoes” u “no-go areas” (i.e. żoni fejn l-abitanti lokali u f’ċerti każijiet anke l-pulizija ma jmorrux).

Il-pajjiż ospitanti jkollu bilfors jaċċetta mhux biss individwi, iżda wkoll komunitajiet ta’ immigranti bil-kulturi tagħhom stess. Għaldaqstant, l-Istat ikollu dejjem jintegra drawwiet, liġijiet u istituzzjonijiet ta’ dawn il-komunitajiet fis-sistema ġudizzjarja ta’ valuri tiegħu, anke jekk dawn ikunu inkompatibbli mal-istrutturi kulturali, reliġjużi u legali tan-nazzjon ospitanti.

Din it-teorija tal-multikulturaliżmu tirrikjedi li l-pajjiż ospitanti ma jassimilax l-immigranti skont il-valuri kulturali eżistenti tiegħu, iżda li jospita, jipproteġi u anke jiffavorixxi l-valuri, drawwiet, normi u istituzzjonijiet tal-komunitajiet ta’ immigranti. Dawn il-valuri huma aċċettati b’mod ugwali mingħajr ebda diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip favur is-sett ta’ valuri tal-pajjiż.

Għalhekk, il-multikulturaliżmu huwa bbażat fuq l-iżball tar-relattiviżmu li jisħaq li l-kulturi u r-reliġjonijiet huma kollha ndaqs, u li għandhom jitqiegħdu fuq termini legali ugwali. Filwaqt li huwa veru li stat jista’ jinkludi pluralità jew varjetà ta’ popli, etniċitajiet u razez, għandu jħares bis-sħiħ kontra l-integrazzjoni ta’ pluralità jew varjetà ta’ kulturi.

Billi Malta hija nazzjon Kattoliku maġġoritarju, il-Kattoliċi Maltin huma leġittimament intitolati li joġġezzjonaw kontra, u jirreżistu l-multikulturaliżmu li jirriżulta minn influssi diżordinati tal-massa ta’ immigranti.

4. Jien obbligat li naċċetta l-istqarrijiet tal-Papa Franġisku li jiffavorixxu l-immigrazzjoni tal-massa lejn l-Ewropa?

Fid-diskorsi tal-Papa Franġisku, il-migrazzjoni u l-“merħba” huma suġġetti rikorrenti. L-intensità tad-dikjarazzjonijiet tiegħu taqbeż bil-bosta dik ta’ Papiet preċedenti. Fil-fatt, skont il-Papa Franġisku, il-ftuħ tal-Punent indiskriminanti u mingħajr ebda kontroll fuq l-immigranti jidher li huwa prinċipju mhux negozjabbli. Madankollu, hemm l-insistenza tiegħu fuq politika ta’ djalogu mal-Iżlam, tkun xi tkun l-ispiża. Dan il-għan jidher li qed jinkiseb mill-Vatikan billi jinnega l-potenzjal terroristiku tal-Iżlam waqt li joqgħod lura milli jikkundanna n-natura reliġjuża tal-persekuzzjoni tal-Insara f’pajjiżi b’maġġoranza Musulmana.

Il-pożizzjoni tas-Santa Sede, taħt il-pontifikat preżenti, inbidlet għal waħda ta’ appoġġ sħiħ għall-immigrazzjoni bla rażan mingħajr it-twissijiet mgħallma minn Papiet preċedenti bħal Piju XII u Ġwanni XXIII, dan tal-aħħar jiddikjara li l-emigrazzjoni/l-immigrazzjoni tista’ tkun aċċettabbli biss: “… meta jkun hemm raġunijiet ġusti għaliha”.

Huwa ċar li f’dawn l-aħħar snin, id-dikjarazzjonijiet papali Kattoliċi ppreżentaw żbilanċ favur il-migranti li saħansitra eskala f’eżaltazzjoni tal-fenomenu tal-immigrazzjoni bħala tali jew fiha nnifisha. Taħt il-Papa Franġisku, dan l-iżbilanċ sfortunatament kompla jiggrava. Fil-Messaġġ tiegħu għall-104 Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, ippubblikat fl-14 ta’ Jannar 2018, il-Papa Franġisku stqarr:

Il-prinċipju taċ-ċentralità tal-persuna umana… jobbligana li dejjem nagħtu prijorità lis-sigurtà personali fuq is-sigurtà nazzjonali.”

Dikjarazzjonijiet bħal dawn jikkuntradixxu d-duttrina Kattolika tradizzjonali, li skontha l-ġid komuni tas-soċjetà jissupera l-ġid privat tal-individwi, anke jekk l-individwi huma migranti. Din l-istqarrija tal-Papa Franġisku hija kuntradittorja fiha nnifisha peress li, kif jiċċara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, il-ġid komuni jirrikjedi li: “l-awtorità għandha tiżgura b’mezzi moralment aċċettabbli s-sigurtà tas-soċjetà u l-membri tagħha,” sabiex il-ġid komuni “jkun il-bażi tad-dritt għal difiża leġittima personali u kollettiva” (CCC 1909).

Wieħed m’għandux għalfejn ikun xi għaref tat-teoloġija jew l-ekkleżjoloġija biex jifhem li l-awtorità papali u l-infallibbiltà għandhom limiti u li d-dmir tal-ubbidjenza lejn il-Papa u l-Isqfijiet mhuwiex assolut b’mod ġenerali. Għalhekk, il-Kattoliċi mhumiex moralment obbligati li jaċċettaw it-tagħlim pontifikali preżenti dwar l-immigrazzjoni jekk dan it-taghlim jidhrilhom li hu żbilanċjat, li jikkunsidra naħa waħda biss jew li jikkuntradixxi d-duttrina Kattolika tradizzjonali.

5. Jien obbligat li naċċetta l-pożizzjonijiet tal-Isqfijiet Maltin li jiffavorixxu l-immigrazzjoni tal-massa lejn Malta?

Il-pożizzjonijiet tal-Arċisqof preżenti ta’ Malta, l-E.T. Mons. Charles Scicluna u l-ex Arċisqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech huma simili ħafna fit-ton tagħhom għal dawk id-dikjarazzjonijiet dwar l-immigrazzjoni tal-massa magħmula mill-Papa Franġisku. Billi jagħmlu emfażi żejda fuq id-dover li “nilqgħu” u “nospitaw” l-immigranti mingħajr ebda riżervi, dawn l-isqfijiet jidhru li qegħdin jinjoraw il-pożizzjoni tradizzjonali Kattolika dwar l-immigrazzjoni li tinsisti fuq is-supremazija tal-ġid komuni, kemm fil-każ ta’ immigranti “regolari” kif ukoll “irregolari”.

Dwar il-prassi tal-importazzjoni “regolari” ta’ ħaddiema għall-fini ta’ “cheap labour” mill-gvern Laburista preżenti, b’konsegwenzi negattivi għall-pagi tal-ħaddiema Maltin f’ċerti setturi tal-ekonomija Maltija, l-Isqfijiet Maltin iżommu silenzju misterjuż, minkejja li huma voċiferi fuq kwistjonijiet oħra relatati mal-iżvilupp żejjed u l-ekoloġija.

Barra minn hekk, dwar ir-reati u l-atti vjolenti mwettqa mill-immigranti f’Malta, is-silenzju tal-Kurja Metropolitana ta’ Malta u tal-Kurja t’Għawdex jitkellem ħafna dwar il-pożizzjoni ideoloġika tagħhom.

F’aspetti oħra, l-Isqfijiet Maltin qatt m’għamlu referenzi għall-ġid komuni bħala dak li għandu jikkundizzjona l-influssi ta’ migranti “irregolari” jew “regolari”, u dan jirrifletti l-iżbilanċ u n-natura unilaterali tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kattoliċi mhumiex moralment obbligati li jaċċettaw dikjarazzjonijiet żbilanċjati u tagħlim li jemfasizza naħa waħda biss.

6. X’jgħallem l-ikbar teologu Kattoliku (San Tumas t’Akwinu) dwar l-immigrazzjoni?

San Tumas t’Akwinu (1225-1274) huwa meqjus bħala l-akbar duttur tal-Knisja. Wieħed irid jara biss fil-kapulavur ta’ San Tumas, is-Summa Theologica, fl-Ewwel parti tat-Tieni Parti, mistoqsija 105, artiklu 3 (I-II, Q. 105, Art. 3). Hemmhekk, wieħed isib l-analiżi tiegħu bbażata fuq għarfien bibbliku li tista’ tikkontribwixxi għad-dibattitu nazzjonali fuq l-immigrazzjoni.

San Tumas jafferma li mhux l-immigranti kollha huma ndaqs. Kull nazzjon għandu d-dritt li jiddeċiedi liema immigranti huma ta’ benefiċċju, jiġifieri “paċifiċi”, għall-ġid komuni. Bħala kwistjoni ta’ awto-difiża, l-Istat jista’ jirrifjuta dawk l-elementi kriminali, tradituri, għedewwa u oħrajn li jqishom ta’ dannu jew li huma “ostili” għaċ-ċittadini tiegħu.

It-tieni ħaġa li huwa jafferma hija li l-mod kif tiġi ttrattata l-immigrazzjoni huwa determinat bil-liġi fil-każijiet kemm ta’ immigrazzjoni ta’ benefiċċju kif ukoll dik “ostili”. L-Istat għandu d-dritt u d-dmir li japplika l-liġi tiegħu. San Tumas jirrikonoxxi wkoll dawk il-barranin bix-xewqa li jżuru l-pajjiż jew li jibqgħu hemm għal żmien limitat. Barranin bħal dawn jistħoqqilhom li jiġu stmati b’karità, rispett u kortesija, li hija dovuta għal kull bniedem ta’ rieda tajba. F’dawn il-każijiet, il-liġi tista’ u għandha tipproteġi lill-barranin milli jiġu ttrattati ħażin jew imkasbra.

Dawn huma wħud mill-ħsibijiet ta’ San Tumas t’Akwinu dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni bbażati fuq prinċipji bibbliċi. Huwa ċar li l-immigrazzjoni għandha jkollha f’moħħha żewġ affarijiet: l-ewwel waħda hija l-għaqda tan-nazzjon; u t-tieni huwa l-ġid komuni. L-immigrazzjoni għandha jkollha bħala l-għan tagħha l-integrazzjoni, mhux id-diżintegrazzjoni jew is-segregazzjoni. L-immigrant m’għandux jixtieq li jieħu fuqu l-benefiċċji biss, iżda wkoll r-responsabbiltajiet tal-isħubija fil-ħajja sħiħa tan-nazzjon.

7. Hemm xi Kardinali jew Isqfijiet li jopponu l-immigrazzjoni tal-massa u diżordinata?

Iva, hemm. Hawnhekk hawn għażla tal-aktar kummenti importanti tagħhom dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni li qed jiffaċċjaw Malta u l-Ewropa u l-Punent b’mod ġenerali.

  • Il-Kardinal Raymond Leo Burke: “Li tirreżisti l-immigrazzjoni Musulmana fuq skala kbira fil-ġudizzju tiegħi huwa li tkun responsabbli,” qal il-Kardinal Burke, li wieġeb għal mistoqsija bil-miktub. Huwa qal li l-Iżlam “jemmen lilu nnifsu ddestinat li jmexxi d-dinja”. “M’għandekx għalfejn tkun xjenzat tar-rockets biex tara x’ġara fl-Ewropa,” qal il-kardinal, waqt li semma’ l-popolazzjonijiet kbar ta’ immigranti Musulmani fi Franza, il-Ġermanja u l-Italja (America Magazine).

  • Il-Kardinal Robert Sarah: Il-Kardinal Robert Sarah afferma d-dritt ta’ nazzjon li jiddistingwi bejn refuġjati u immigranti ekonomiċi. Skont ir-rivista tal-aħbarijiet Pollakka wPolityce.pl u pubblikazzjonijiet Pollakki oħra, il-kardinal Afrikan appoġġja r-reżistenza tal-Polonja għal ċerta “loġika” ta’ migrazzjoni li forzi esterni qed jippruvaw jimponu fuq in-nazzjon. “B’liema mod huwa possibbli li jitneħħew id-drittijiet tan-nazzjon biex jiddistingwi bejn refuġjat politiku jew reliġjuż, li għandu jaħrab minn art twelidu, u l-migrant ekonomiku, li jrid jibdel l-indirizz tiegħu mingħajr ma jaddatta għal, jidentifika ma’, u jaċċetta l-kultura tal-pajjiż li fih se jgħix?” staqsa Sarah.

    Iktar u iktar, dan kif inhu possibbli, jekk dan l-immigrant huwa ta’ reliġjon u kultura oħra u jservi bħala pretest għar-relattivizzazzjoni tal-valur assolut li huwa l-ġid komuni tan-nazzjon?” (LifeSiteNews)

  • Mons. Henryk Hoser, Isqof Irtirat ta’ Warsava-Praga (Il-Polonja): F’Settembru tal-2015, Mons. Hoser iddikjara li bl-immigrazzjoni Musulmana bla rażan lejn l-Ewropa: “L-Insara ħa jsiru minoranza kif diġà jinsabu fil-Lvant Nofsani” (The Tablet).

  • Mons. László Kiss-Rigó, Isqof ta’ Szeged-Csanad (L-Ungerija): Fl-2015, Mons. Kiss-Rigó rrefera għall-wasla ta’ mases ta’ immigranti Musulmani bħala “invażjoni”. Huwa qal: “Mhumiex refuġjati. Huma jiġu hawn b’għajjat ​​ta ‘Allahu Akbar’. Huma jridu jieħdu kollox f’idejhom.” (The Tablet).

  • Mons. Athanasius Schneider, Isqof Awżiljarju t’Astana (Il-Każakstan): L-Isqof Athanasius Schneider tal-Każakstan, qal lil intervistatur minn Il Giornale ta’ Milan f’Ġunju 2018 li “l-fenomenu tal-hekk imsejħa “immigrazzjoni” jirrappreżenta pjan orkestrat u ppreparat għal żmien twil mill-poteri internazzjonali biex ibiddel radikalment l-identitajiet Insara u nazzjonali tal-popli Ewropej”. Huwa qal li l-Knisja kienet qed tiġi sfruttata fuq din il-kwistjoni.

    Dawn il-poteri jużaw il-potenzjal morali enormi tal-Knisja u l-istrutturi tagħha biex jiksbu b’mod aktar effettiv il-għan anti-Kristjan u anti-Ewropew tagħhom,” huwa żied. “Għal dan il-għan qed jabbużaw mill-kunċett veru tal-umaniżmu u anke mill kmandament Nisrani tal-karità.” (LifeSiteNews)

8. It-tfal tal-migranti mwielda f’Malta għandhom ikunu intitolati awtomatikament għaċ-ċittadinanza Maltija?

Skont San Tumas t’Akwinu (ara l-mistoqsija numru 6):

It-tielet, meta xi barranin xtaqu li jiġu ammessi kompletament għall-għaqda u l-mod ta’ qima tagħhom. Rigward dawn kienet tiġi osservata ċerta ordni. Għax ma ġewx ammessi mill-ewwel għaċ-ċittadinanza: bħalma kienet liġi ma’ xi nazzjonijiet li ħadd ma kien meqjus bħala ċittadin ħlief wara żewġ jew tliet ġenerazzjonijiet, kif jgħid il-Filosofu.(Polit. Iii, 1)

San Tumas jagħraf li ser ikun hemm dawk li jkunu jridu jibqgħu u jsiru ċittadini tal-artijiet li jżuru. Madankollu, huwa jistabbilixxi bħala l-ewwel kundizzjoni għall-aċċettazzjoni x-xewqa tal-immigrant li jintegra bis-sħiħ f’dak li llum jitqies bħala l-kultura u l-ħajja tan-nazzjon. It-tieni kundizzjoni hija li l-għoti taċ-ċittadinanza m’għandux ikun immedjat. Il-proċess tal-integrazzjoni jieħu ż-żmien. In-nies għandhom bżonn jaddattaw ruħhom għan-nazzjon. Huwa jikkwota wkoll lill-filosfu Aristotile li jgħid li dan il-proċess darba kien maħsub li jieħu żewġ jew tliet ġenerazzjonijiet. San Tumas innifsu ma jagħtix skeda ta’ żmien għal din l-integrazzjoni, iżda jammetti li tista’ tieħu ħafna żmien.

Kif josserva Akwinu:

“Ir-raġuni għal dan kienet li jekk il-barranin jitħallew jinterferixxu fl-affarijiet ta’ nazzjon hekk kif jistabbilixxu ruħhom fostu, jistgħu jseħħu bosta perikli, ladarba l-barranin li għad m’għandhomx il-ġid komuni f’qalbhom jistgħu jipprovaw xi ħaġa li tweġġa’ lin-nies.”

9. X’inhi d-duttrina ta’ “Prima Sibi Caritas”? Kif tapplika għal kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni?

“Prima Sibi Caritas” huwa prinċipju Kattoliku li jiddikjara li b’Kmandament Divin, l-espressjoni tal-karità tal-bniedem għandha tkun immirata primarjament lejk innifsek, lejn il-familja tiegħek, lejn pajjiżek u fuq kollox lejn iċ-Ċiviltà Nisranija. Din l-imħabba primarja u ordnata għalik stess tipproduċi bħala estensjoni naturali u meħtieġa, l-imħabba lejn il-proxxmu. Kif inhu magħruf sew, il-preċett evanġeliku li tħobb lill-proxxmu bħalek innifsek jgħallem li l-“proxxmu” tiegħek mhuwiex daqstant dik il-persuna li hija viċin tiegħek fiżikament jew ġeografikament, iżda pjuttost dik il-persuna li ħloqt rabta magħha f’sens ta’ obbligi ta’ dmirijiet, konsangwinità jew affinità.

Il-proxxmu tiegħi huwa fuq kollox dak li l-benesseri tiegħu – kemm naturali kif ukoll sopranaturali – jiddependi fuq l-azzjonijiet tiegħi. Dan id-dmir mhuwiex restritt għall-ħajja spiritwali iżda jestendi wkoll għall-eżistenza morali u ċivili.

Bħala regola, huma biss dawk li jikkonservaw il-milja ta’ ġidhom stess li jistgħu jipprovdu għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, kemm fl-isfera temporali kif ukoll spiritwali. Għalhekk, mhux possibbli li tagħti dak li m’għandekx, u dan japplika bl-istess mod fil-kuntest tas-soċjetà tal-lum. Jekk l-Ewropa, u b’implikazzjoni Malta, billi tiċħad il-missjoni storika tagħha u tirrifjuta l-valuri taċ-Ċiviltà Nisranija (rigal tal-Providenza Divina), ma tistax taqsam valuri bħal dawn għall-benefiċċju ta’ nazzjonijiet oħra li huma inqas ixxurtjati jew li s-soċjetajiet tagħhom huma inqas ċivili.

Kull karità lejn l-immigranti – “regolari” jew “irregolari” – li ma tagħtix kont, u sal-grad meħtieġ, tal-ħtiġijiet tal-identità nazzjonali ta’ Malta, it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħha u l-identità etnika u kulturali tagħha msawra fuq medda ta’ sekli sħaħ, tirrifletti stmerrija mhux naturali u diżordinata għal Malta bħala nazzjon ospitanti u għal dak li rrappreżentat. B’riżultat ta’ dan, il-propagandisti tal-immigrazzjoni jixtiequ jimponu kmandament ġdid: “Ħobb lill-proxxmu kulturalment imbiegħed minnek għad-detriment tiegħek innifsek u tal-proxxmu immedjat tiegħek”.

10. Sidna Ġesù Kristu darba kien refuġjat. Inkunu qegħdin niċħdu lil Kristu meta nirrifjutaw ir-refuġjati tal-lum?

Dan l-argument nisimgħuh ta’ spiss mingħand kleriċi kif ukoll lajċi Kattoliċi. Huwa minnu li l-Familja Mqaddsa kellha taħrab lejn l-Eġittu sabiex tistkenn mir-rabja qattiela ta’ Erodi, iżda dan huwa wieħed fallaċi għax id-dinamika ta’ din il-ġrajja hija ferm differenti mill-kriżi tal-immigrazzjoni tal-lum, speċjalment meta wieħed iqis il-ġeopolitika ta’ dak iż-żmien.

L-ewwelnett, huwa mifhum li ħafna mill-immigranti li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa mhumiex fil-fatt vittmi ta’ xi gwerra jew persekuzzjoni, iżda pjuttost migranti ekonomiċi li ħafna drabi jgħaddu minn diversi pajjiżi siguri sabiex jilħqu nazzjonijiet Ewropej iktar għonja. L-Imbierka Ommna Marija u San Ġużepp, min-naħa l-oħra, ħarbu lejn l-eqreb pajjiż sigur, li – bħal-Lhudija – inzerta wkoll provinċja Rumana, u għaldaqstant nistgħu wkoll inżidu li ma kien hemm ebda ksur ta’ liġi

It-tieni, huma rritornaw lejn art twelidhom ladarba l-periklu kien naqas. Mill-banda l-oħra, ħafna mill-immigranti irregolari fostna m’għandhom l-ebda intenzjoni li jmorru lura, u dan jista’ jkollu impatt konsiderevoli fuq il-kompożizzjoni etnika, reliġuża u kulturali tal-pajjiż. Fl-aħħarnett, nistgħu nassumu b’mod raġonevoli li Ġesù, Marija, u Ġużeppi kienu mistednin eżemplari u bl-ebda mod ma kienu piż żejjed fuq l-ospitanti tagħhom.

Dan l-argument, intiż biex jiġġustifika l-immigrazzjoni tal-massa u diżordinata bbażat fuq il-ħajja ta’ Ġesù, jinstema’ pjuttost diżonest meta dawn id-differenzi jiġu injorati b’mod deliberat, u wieħed ma jistenna qatt li l-kleriċi tagħna jimmanipulaw il-Vanġelu, anke jekk l-intenzjonijiet tagħhom fl-aħħar mill-aħħar huma tajbin.

0 Comments

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Recent Comments

    Categories