L-Eċċellenza Rev.ma Tiegħu Mons. Anton Teuma,
Isqof ta’ Għawdex,
Kurja tal-Isqof,
P.O. Box 1, Triq Ir-Repubblika,
Victoria VCT 1000,
Għawdex.
7 ta’ Frar 2026.
Eċċellenza Rev.ma,
Is-Soċjetà Maltija għal Ċivilta’ Nisranija – Pro Malta Christiana, entità ċivika u kulturali ta’ ispirazzjoni kattolika ddedikata għad-difiża tal-valuri perenni taċ-ċivilta’ nisranija f’Malta, tippreżenta t-tislijiet rispettużi tagħha lill-Eċċellenza Tiegħek. Din is-soċjetà tixtieq tesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Eċċellenza Tiegħek fid-dawl tal-attakki vili u inġusti fuq il-midja soċjali li tniedu dan l-aħħar minn membri tal-amministrazzjoni tal-gvern preżenti, u diretti kontra l-Eċċellenza Tiegħek wara l-omelija tiegħek fl-24 ta’ Jannar li għadda fis-Santwarju Marjan Nazzjonali f’Ta’ Pinu.
L-enfasi tal-Eċċellenza Tiegħek fuq id-dmir tal-ġenituri li jrabbu lil uliedhom ġewwa d-dar – speċjalment dawk ta’ età żgħira ħafna – bi preferenza għall-użu ta’ servizzi ta’ kura ta’ matul il-jum – hija kompletament konformi mal-maġisteru tradizzjonali tal-Knisja Kattolika. Id-detratturi femministi tal-Eċċellenza Tiegħek li sejħu għall-“emanċipazzjoni” tal-omm fir-rigward tat-trobbija tat-tfal huma, b’mod ċar dijametralment opposti għat-tagħlim Kattoliku awtentiku f’dan il-qasam, eżemplifikat mill-enċiklika Casti Connubii tal-Papa Piju XI tal-31 ta’ Diċembru 1930 li tiddikjara b’mod ċar li:
“Din, madankollu, mhijiex l-emanċipazzjoni vera tal-mara, u lanqas dik il-libertà razzjonali u eżaltata li tappartjeni lill-uffiċċju nobbli ta’ mara u mara miżżewġa Nisranija; hija pjuttost it-tbaxxija tal-karattru femminili u d-dinjità tal-maternità, u tabilħaqq tal-familja kollha, b’riżultat ta’ dan ir-raġel isofri t-telf ta’ martu, it-tfal ta’ ommhom, u d-dar u l-familja kollha ta’ gwardjan dejjem attent” (Numru 75). Din l-enċiklika li kienet valida fl-1930, għadha kompletament valida fi żmienna. Konsegwentement, din is-soċjetà ċivika taqsam il-fehmiet tiegħek li t-tfal, li huma rigal mingħand Alla, qatt m’għandhom jiġu trattati bħala oġġetti fis-sens materjali.
Filwaqt li nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħek ta’ din ix-xhieda fidila għall-verità nisranija, nitlob il-barka episkopali tiegħek fuq il-membri ta’ din is-soċjetà ċivika, u nassigurak tat-talb tagħna.
Għoddni tiegħek in Christo Domino.
Philip M. Beattie
President tal-Kunsill Eżekuttiv

0 Comments