Is-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana ssejjaħ għal azzjoni immedjata, kif ukoll talb ta’ riparazzjoni mill-Kattoliċi Maltin, biex jitwaqqfu darba għal dejjem iż-żfin oxxen u l-eċċessi ta’ storbju li qegħdin iseħħu qrib il-knejjes ġewwa l-Belt Valletta.
Il-filmati xokkanti li qegħdin jiċċirkolaw jixhdu għall-kriżi morali bla preċedent li pajjiżna għaddej minnha, fejn anke s-sakralità tal-knejjes tagħna qiegħda tingħata ġenb għal skopijiet ta’ kummerċ dekadenti.
Infakkru li l-knejjes tagħna mhumiex mużewijiet jew prodott turistiku, iżda parti integrali mill-identità u l-kuxjenza kollettiva tagħna bħala poplu li, imqanqal mill-fidi tiegħu, bena dawn l-edifizzji bħala postijiet sagri, jiġifieri magħżulin mill-oħrajn. Huwa nuqqas gravi tad-dover ċiviku u morali tagħna li dawn l-ispazji ma jingħatawx id-dinjità li jixirqilhom, kif ukoll falliment tal-awtoritajiet ċivili li jippermettu ambjent ta’ diżordni u bassezza morali.
Għaldaqstant, Pro Malta Christiana tħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti — fosthom il-Kunsill Lokali, il-Pulizija, u l-entitajiet responsabbli mill-infurzar u t-turiżmu — biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom bis-sħiħ sabiex jiġu rrestawrati d-diċenza u l-paċi pubblika.
Nappellaw ukoll lill-pubbliku biex joġġezzjona formalment għall-applikazzjoni PA/05005/26. Din hija talba għall-ftuħ ta’ stabbiliment ieħor fi Triq San Ġwann li se jokkupa parti mit-taraġ pubbliku qrib il-Knisja ta’ Ġieżu. L-oġġezzjonijiet jistgħu jintbagħtu fuq representation@pa.org.mt.
Recent Comments