L‐aggressjoni kontra l‐identità kulturali Nisranija, is‐soċjetà, il‐familja tradizzjonali Maltija u d‐dritt għall‐ħajja umana fi żminijiet riċenti laħqet proporzjonijiet inkonċepibbli f’pajjiż b’elfejn sena ta’ tradizzjoni Nisranija.
Biżżejjed ngħidu li fl‐ispazju relattivament qasir ta’ żmien ta’ l‐aħħar tnax il‐sena, il-kattoliċi f’pajjiżna kellhom jassistu għall‐qerda tal‐indissolubbiltà taż‐żwieġ permezz tad‐divorzju, l-introduzzjoni taż‐“żwieġ” bejn persuni tal‐istess sess, l‐iffriżar tal‐embrijuni umani, il‐pillola abortiva, l‐adozzjoni tat‐tfal minn koppji omosesswali, it‐theddida tal‐introduzzjoni tal‐ewtanasja u l‐indottrinazzjoni statali tat‐tfal rigward l‐ideoloġija tal‐ġeneru, kollha sfidi diretti kontra l‐pjan tal‐ħolqien ta’ Alla.
Kellna wkoll nassistu ghall‐introduzzjoni tal‐kunċett anti‐naturali u anti‐xjentifiku li kull min jitwieled jista’ jagħżel il‐ġeneru tiegħu stess. U naturalment, biex ikompli jeqred il‐pedamenti tas‐soċjetà Maltija, il‐parlament tagħna illeġiżla biex jillegalizza l‐bejgħ tal‐marijuana. Iżda l‐perikli għas‐soċjetà ma jispiċċawx hawn, għax aħna l‐Maltin abolixxejna l‐liġi kontra l‐blasfemija, biex issa kulħadd jista’ jidgħi b’Alla u lill‐qaddisin. Agħar minn hekk, kien hemm abbozz ta’ liġi li kien diskuss fil‐parlament ‐ issa relegat għall‐“back burner”‐ li jhedded il‐libertà tal‐kelma u l‐espressjoni reliġjuża. Rizultat ta’ dan, il‐gvern saħansitra jippersegwita qassisin bil‐pretest li qed jiġġieled l‐hekk imsejjaħ diskors ta’ mibgħeda. Dan kollu, f’isem il‐“libertajiet ċivili”, l‐“inklużjoni” u “Malta moderna.”
Il‐Kmandamenti t’Alla u l‐liġi naturali għalhekk saru ma jfissru xejn għall‐klassi politika Maltija u għas‐soċjetà tagħna. Minn pajjiż Kattoliku li jqim lil Alla, sirna pajjiż li jqim il‐flus u l‐ħasil tagħhom, il‐logħob tal‐azzard elettroniku, u l‐kostruzzjoni fuq dahar ħaddiema importati minn barra u mħallsa b’pagi baxxi. Dan kollu għad‐detriment tal‐livelli tal‐pagi tal‐ħaddiema Maltin u għad‐detriment tal‐prezzijiet tal-proprjetà, li huma tant projbitivi li l‐koppji għarajjes Maltin ma jaffordjawhomx. U, naturalment biex ikompli jeqred il‐pedamenti tas‐soċjetà Maltija, il‐parlament tagħna illeġiżla biex jillegalizza l‐bejgħ tal-marijuana.
Biex ma nsemmux li l‐Parlament Malti approva fl‐2025, “l‐istrateġija” għas‐“saħħa sesswali” li tippromwovi t‐tixrid ta’ kontraċezzjoni artifiċjali tal‐massa f’pajjiż fejn ir‐rata tat‐twelid ta’ Malta hija l‐aktar baxxa fl‐Ewropa. Hija kontradizzjoni assoluta li l‐awtoritajiet jipprovdu miżuri fiskali biex il‐familji Maltin ikollhom aktar tfal meta l‐istess amministrazzjoni hija intenzjonata li trażżan it‐twelid permezz ta’ kontraċezzjoni artifiċjali tal‐massa.

0 Comments