This document is available in English.
Stqarrija għall-Istampa u l-Midja
23 ta’ Ġunju 2023
Għalfejn il-Movimenti li Suppost Huma Favur il-Ħajja Qegħdin Jiċċelebraw l-Emendi l-Ġodda tal-Gvern Favur l-Abort li Għadhom Kif Ħarġu?
Is-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana tiddiżassoċja ruħha mis-sentimenti espressi minn għaqdiet f’Malta li suppost huma favur il-ħajja fuq l-emendi proposti tal-Abbozz ta’ Liġi numru 28 u li ser jiġu mdaħħlin bħala liġi biex jiġi faċilitat l-abort fil-qrib kif mħabbra mill-Gvern.
L-emendi ġodda mressqa mill-Gvern issa jagħtu l-faċilità li jsir abort li:
- Tħalli tieqa miftuħa għall-abort għal raġunijiet ta’ “saħħa mentali” jekk “kumplikazzjoni” tista’ twassal għall-mewt.
- Għalfejn is-saħħa mentali saret kundizzjoni valida li tista’ twassal għall-abort u l-qtil ta’ tarbija?
- Għalfejn hemm din il-korelazzjoni bejn “saħħa mentali” u “kumplikazzjoni”
- Tista’ tħalli abort meta fl-opinjoni ta’ tabib li ser jagħmel l-intervent mediku, it-tarbija għadha ma laħqitx perjodu msejjaħ “ta’ vijabilità”. Id-definizzjoni mogħtija mill-Gvern għal tali “perjodu ta’ vijabilità” hija il-punt fit-tqala fejn it-tarbija kapaċi tgħix barra l-ġuf tal-omm skont “prattiċi kurrenti mediċi”.
- Mela għaliex iddaħħlet din il-klawsola li potenzjalment tista’ teskludi li tarbija tkun megħjuna tgħix barra l-ġuf b’mezzi artifiċjali?
- Jista’ jagħti l-każ li uħud mill-mezzi artifiċjali ta’ sostenn għal tarbija mwielda ma jkunux rikonoxxuti mill-prattiċi mediċi kurrenti?
- Tiftaħ xenarju alternattiv fejn tista’ tħalli l-abort f’każ fejn fl-opinjoni ta’ tim mediku ta’ tliet prattikanti tal-mediċina — tnejn minnhom jew ġinekoloġi jew ostetriċi — it-tarbija għadha ma laħqitx il-perjodu ta’ vijabilità u ma tistax tkun imwielda skont l-istandards tal-professjoni medika.
- Għaliex hemm żewġ xenarji alternattivi fejn jew wieħed jew tliet tobba jistgħu jiddeċiedu l-futur ta’ tarbija?
- Għalfejn tabib waħdu jista’ jiddeċiedi id-destin ta’ tarbija taħt il-proposti ġodda?
- Għalfejn ix-xenarju alternattiv ta’ tim ta’ tliet tobba hija biss alternattiva għall-ewwel xenarju?
- Min jiddeċiedi liema xenarju tapplika, dak ta’ tabib waħdu jew dak ta’ tliet tobba?
- Jekk tabib wieħed mit-tim ta’ tlieta jopponi l-intervent mediku li jwassal għall-abort, xorta waħda se ssir l-abort?
L-ikbar skandlu, li huwa lampanti, hu li ċerti għaqdiet li suppost huma favur il-ħajja qalu pubblikament li l-liġi presenti diġà tagħti garanziji għas-saħħa tal-omm f’dawn is-sitwazzjonijiet, iżda xorta waħda pproponew emendi legali għal-liġi li huma stess sostnew li ma kinux neċessarji.
Bħala assoċjazzjoni ta’ ispirazzjoni Kattolika, Pro Malta Christiana ssostni li issa l-abort ser ikun aktar faċli, għaliex tneħħew il-penali li kienu deterrent, ser tinfetaħ tieqa minn fejn jista’ jgħaddi l-abort u bdejna proċess ta’ normalizzazzjoni ta’ prattika misħuta li permezz tagħha jintilfu l-ħajjiet tal-innoċenti.
Għaldaqstant, Pro Malta Christiana tappella lill-għaqdiet favur il-ħajja sabiex ma jibqgħux jagħtu l-impressjoni falza li saret xi rebħa għall-ħajja, imma jifhmu li huma dawn l-emendi li għandhom jiġu reżistiti bil-qawwa kollha.
Karmenu Borg
Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi
Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija — Pro Malta Christiana
0 Comments